Minkejja l-wegħda tal-Gvern li joħloq Awtorità ġdida li tirregola l-industrija tal-kostruzzjoni, din s’issa għadha ma ġietx fis-seħħ, bil-Kamra tal-Inġiniera ssostni l-appell tagħha biex din l-istituzzjoni tfittex tidħol fis-seħħ.
Il-Kamra tal-Inġiniera sostniet l-appell tagħha anke fid-dawl ta’ nirien li ħakmu lukanda ta’ ħames stilel f’Londra, li għal darb’oħra jfakkar fl-importanza li jkun hemm Awtorità li timmonitorja d-disinn ta’ inġinerija kif suppost u l-ġestjoni adegwata tal-faċilitajiet tal-bini.
Il-Kamra tal-Inġiniera tenniet l-appell lill-Gvern biex imexxi ‘l quddiem dan il-proċess, li għandu jkun katalista għall-bidu ta’ proċess ħolistiku, li jwassal għal regolamenti tal-bini lokali, li għandhom ikopru wkoll l-aspetti tas-sigurtà tan-nirien.
Ir-regolamenti għandhom jinkludu wkoll ir-rekwiżiti għal spezzjonijiet regolari fis-sistemi użati u għalhekk, m’għandha ssir l-ebda distinzjoni bejn bini residenzjali u dawk li mhumiex.
Il-Kamra tal-Inġiniera temmet billi sostniet l-appoġġ tagħha mal-entitajiet relatati għax temmen bis-sħiħ li għandhom ikunu żgurati s-saħħa u s-sigurtà pubblika.
//= $special ?>