Minkejja l-wegħda tal-Gvern li joħloq Awtorità ġdida li tirregola l-industrija tal-kostruzzjoni, din s’issa għadha ma ġietx fis-seħħ, bil-Kamra tal-Inġiniera ssostni l-appell tagħha biex din l-istituzzjoni tfittex tidħol fis-seħħ.
Il-Kamra tal-Inġiniera sostniet l-appell tagħha anke fid-dawl ta’ nirien li ħakmu lukanda ta’ ħames stilel f’Londra – il-Mandarin Oriental.
F’dan il-każ, kien hemm bżonn 120 pumpier u 20 vettura tat-tifi tan-nar biex ikkontrollaw in-nar li ħakem il-lukanda ta’ 12-il sular qrib Hyde Park u li fi ftit ħin infirex ma’ diversi sulari iżda fortunatament ġie kkontrollat malajr.
Fid-dawl ta’ dan l-inċident, li seħħ biss ġimgħa wara l-iktar proġett ta’ restorazzjoni li qatt rat din il-lukanda, il-Kamra tal-Inġiniera għal darb’oħra fakkret fl-importanza li jkun hemm Awtorità li timmonitorja d-disinn ta’ inġinerija kif suppost u l-ġestjoni adegwata tal-faċilitajiet tal-bini.
Il-Kamra tal-Inġiniera tenniet l-appell lill-Gvern biex imexxi ‘l quddiem dan il-proċess, li għandu jkun katalista għall-bidu ta’ proċess ħolistiku, li jwassal għal regolamenti tal-bini lokali, li għandhom ikopru wkoll l-aspetti tas-sigurtà tan-nirien.
Saħqet li r-regolamenti għandhom jinkludu wkoll ir-rekwiżiti għal spezzjonijiet regolari fis-sistemi użati u għalhekk, m’għandha ssir l-ebda distinzjoni bejn bini residenzjali u dawk li mhumiex.
Il-Kamra tal-Inġiniera temmet billi sostniet l-appoġġ tagħha mal-entitajiet relatati għax temmen bis-sħiħ li għandhom ikunu żgurati s-saħħa u s-sigurtà pubblika
//= $special ?>
