Lokali

Arrestati żewġ persuni li serqu dan il-vann mimli bl-għodda minn Ħal Tarxien

Il-Pulizija qed iżżomm arrestati lil raġel ta’ 40 sena residenti Birkirkara, u mara ta’ 33 sena residenti l-Fgura wara li nqabdu jħottu l-għodda minn vann misruq.

Kien għall-ħabta tas-sitta tas-Sibt filgħodu li rapel ta’ 40 sena mar l-għassa ta’ Raħal Ġdid fejn irrapporta li nsteraqlu vann tat-tip Mazda E2200.

Is-serqa seħħet matul il-lejl, bil-vann mgħobbi bl-għodda kien ipparkjat fi Triq Dun Ġużepp Gonzi, Ħal Tarxien stess.

Ftit wara, għall-ħabta tas-sebgħa u għoxrin, Pulizija li kien off duty għamel kuntatt mal-Kamra tal-Kontroll tal-Pulizija wara li nnota żewġ persuni jaġixxu b’mod suspettuż waqt li kienu qed iħottu xi għodda mill-vann fi Triq il-Ħerba, kantuniera ma’ Triq Sant’Emidju, iż-Żejtun.

Hu talab għall-assistenza, waqt li kompla jsegwihom. Fil-post intbagħtu uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit u mid-Distrett taż-Żejtun.

Mill-ewwel investigazzjonijiet instab li l-vann kien l-istess wieħed rappurtat nieqes, bir-raġel li qed jinżamm arrestat jipprova jaħrab mill-post bil-vann stess malli nnota lill-Pulizija.

Kien l-istess Pulizija off duty li nduna b’dak li kien se jiġri u waqqaf lir-raġel immedjatament biex eventwalment saru l-arresti.

Iż-żewġ akkużati mistennija jitressqu l-Qorti.