Lokali

Il-Malti jiċħad involviment fit-traffikar ta’ 10 tunnellati droga

Ikomplu l-investigazzjonijiet għall-Pulizija fi Sqallija involuti fl-istħarriġ b’rabta mal-qabda ta’ għaxar tunnellati kannabis abbord il-bastiment ‘Quest’ aktar kmieni din il-ġimgħa.

Il-Pulizija Taljana uffiċjalment ikkonfermat li abbord kien hemm disa’ membri tal-ekwipaġġ: Kaptan mir-Rumanija, żewġ Ukreni, Malti, Sqalli, Kroat u raġel mit-Turkija.

Fis-sigħat li għaddew il-Pulizija Taljana ħattet il-kaxxi bid-droga kannabis minn fuq il-bastiment ‘Quest’, filwaqt li ħalliet skorta ta’ Pulizija għassa mal-istess bastiment li issa hu f’idejn l-awtoritajiet Taljani wara li kien skortat lejn l-art minn diversi inġenji navali Taljani appena saret il-qabda.

Il-valur tad-droga maqbuda hu stmat li jlaħħaq bejn il-ħmistax u l-għoxrin miljun ewro. Id-droga kannabis maqbuda hi ta’ kwalita’ superjuri ħafna u kienet ippakkjata b’mod professjonali ħafna. Il-Pulizija Taljana għad trid tistabbilixxi għal-liema suq kienet maħsuba din il-konsenja kbira ta’ droga.

Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija Taljana jirriżulta li l-bastiment ‘Quest’ ħalla Malta lejn l-istrett ta’ Ġibilta’ fejn appena kien bejn il-Marokk u l-Alġerija saru n-negozjati għax-xiri ta’ din il-konsenja.

Kollox sar taħt għajnejn kriminali Libjani li assiguraw li ma jkun hemm l-ebda intoppi biex issir it-tagħbija fuq il-bastiment ‘Quest’. Dan kollu kien qiegħed ikun sorveljat mill-Pulizija Taljana biex imbagħad ftit sigħat wara l-bastiment kien interċettat u ttieħed f’idejn l-awtoritajiet Taljani għal aktar investigazzjonijiet.

Wara l-arresti ta’ dawn id-disa’ membri tal-ekwipaġġ, issa l-Pulizija Taljana tinsab fl-ewwel kuntatti mad-diversi Pulizija tal-pajjiżi li minnhom toriġina n-nazzjonalita’ tal-arrestati biex jinbena profil dettaljat dwarhom qabel ma’ dawn jitressqu l-Qorti fi Sqallija.

Il-Malti, sajjied li għandu 56 sena u joqgħod Wied il-Għajn, qed jiċħad kull involviment u ddikjara ma kienx jaf bl-attività illegali.

Hu qed jinsisti li huwa ma kienx jaf li meta l-bastiment telaq minn Malta, kien se jgħabbi d-droga u jisħaq li huwa kien fuq il-“Quest” fuq xogħol relatat mas-sajd.

Il-Kmandanta tal-Aeronavale ta’ Messina, Cristino Alemanno qal li mill-inqas hemm żewġ persuni oħra f’Malta li taw sehem f’din l-attivita llegali u saħansitra jista’ jkun li kienu huma li mexxew din l-attività llegali kif ukoll qed tkun investigata l-possibbiltà li organizzazzjoni kriminali relatata mat-tmexxija tad-droga fil-Mediterran qed topera minn Malta.