Futbol Sport

Isir l-ewwel pass lejn it-tneħħija tal-parametri u n-nursery compensation

Ilbieraħ filgħaxija sar pass importanti li jista’ jkun il-bidu ta’ bidla fil-futbol lokali. Dan wara li fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-YFA, in-nurseries preżenti vvutaw favur it-tneħħija ta’ dawk imsejħa bħala nursery compensation u l-parametri fuq il-plejers. B’hekk il-plejers ikunu jistgħu jiċċaqalqu b’xejn minn staġun għal ieħor.

Il-Kunsill tal-YFA poġġa din il-mozzjoni għall-approvazzjoni tal-Laqgħa Ġenerali tal-YFA biex l-Eżekuttiv u l-Kunsill tal-MFA jibda proċess għal tibdil fir-regolamenti. L-uniku tip ta’ ħlas isir meta plejers jiffirma kuntratt professjonali u anki meta jkun trasferit sussegwentament sa età stabbilita, biex dawk in-nurseries li plejers ikun lagħab magħhom, jieħdu persentaġġ ta’ flus li jkun stabbilit mir-regolamenti tal-MFA.

Preżenti għal din il-parti tal-laqgħa kien hemm il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo li saħaq li l-affarijiet qed jinbidlu u l-kontroll li kellhom il-klabbs f’din is-sitwazzjoni qed tinbidel. Darmanin Demajo kompla li f’diskussjoni li hu kellu mal-Presidenti tal-klabbs tal-Premier, jidher li qed tittieħed id-direzzjoni li l-plejers bla kuntratt u amateurs jiċċaqalqu mingħajr kumpens. Dan mistenni jidħol fis-seħħ mis-sena d-dieħla.

Il-President tal-MFA tkellem dwar il-mozzjoni li kienet se tkun preżentata. Hu qal li s-sistema kienet diżinjata li kulħadd jidħol fiha u qal lil dawk preżenti li “ir-regoli li taħsbu li kienu qed jipproteġukom, fil-verità ma kinux.”

Darmanin Demajo żied jgħid li tfal bejn l-età ta’ tmienja u 19-il sena jkunu jistgħu jitilqu fi tmiem l-istaġun u b’dan it-tibdil ikun fl-interess tal-klabb li jagħmel kuntratt professjonali lill-plejer. Hu ġab eżempju ta’ klabb tat-Tielet Diviżjoni li plejer tiegħu jkun tela’ min-nursery tal-klabb u jinbiegħ lill-klabb tal-Premier, b’dak il-klabb ikun jista’ jirċievi sa €2,500 ta’ kull staġun li t-tifel ikun għamel man-nursery tal-klabb partikolari.

Fost dawk li tkellmu biex jesprimu ruħhom fuq din il-mozzjoni, ġie mistoqsi dwar min se jieħu l-flus jekk hux in-nursery jew il-klabb, ikun hemm il-bżonn li plejer ikun reġistrat darba u mhux kull staġun, kif ukoll ikun hemm tieqa ta’ żmien li plejers jistgħu jkunu trasferiti.

Kien hemm min qal ukoll li ma jaqbilx li plejer għandu jimxi kull staġun, iżda kull sentejn biex in-nursery partikolari jkollha aktar stabbiltà. Wara li kulħadd qal tiegħu, il-mozzjoni kif preżentata mingħajr tibdil għaddiet għall-votazzjoni, b’90% jivvutaw favur.

Wara din id-deċiżjoni, il-YFA trid tiddiskuti mal-MFA il-pass li jmiss biex isiru t-tibdiliet fir-regoli u r-regolamenti. Biex din il-mozzjoni tkun tista’ tidħol fis-seħħ, trid tgħaddi l-emenda fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA fejn fosthom jivvutaw ir-rappreżentanti tal-klabbs biex japprovaw din il-mozzjoni.