Lokali Qorti

Kontra abbużi fil-post tax-xogħol

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech issuġġeriet li għandu jkun hemm reġistru elettroniku li fih jistgħu jintiżżlu l-ismijiet ta’ min jimpjega jew ta’ negozji li jkunu nstabu ħatja ta’ ksur tal-leġislazzjoni tax-xogħol.

Dan fid-dawl ta’ sentenza li tat riċentament waqt seduta tad-DIER, id-Dipartiment ta’ Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol li fiha spikka n-nuqqas tad-drittijiet legali tal-ħaddiema.

Għaldaqstant, hi saħqet dwar l-importanza kontra l-abbużi fil-post tax-xogħol u talbet lill-entitajiet tal-Istat sabiex ikunu front magħqud biex jiġġieldu dawn il-prattiċi ħżiena.

Matul is-seduta, hi semmiet kif spetturi tad-Dipartiment li jindunaw bi prattiċi li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-ħaddiema għandhom l-obbligu ċivili biex jinfurmaw awtoritajiet oħra kompetenti bħal Kummissarju għad-Dħul, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kif ukoll il-Pulizija.

Din is-sentenza kienet dwar sid ta’ ristorant tal-kebabs li nstab ħati li naqas milli jagħti l-pagi u l-benefiċċji kollha lil-ex impjegat tiegħu. L-ex impjegat kellem lid-DIER jistqarr li hu kien tkeċċa b’mod inġust mis-sid u mingħajr ma ngħata kumpens wara li ħadem ħinijiet twal f’diversi karigi bħal manager, kok u assistent għal numru ta’ ġimgħat anke qabel ma s-sid fetaħ in-negozju.

Matul dak iż-żmien li kien impjegat, hu qatt ma kien rreġistrat, bis-sid tar-ristorant mingħajr ħeġġa biex jirregolarizza s-sitwazzjoni.

Fil-Qorti nstema’ ukoll kif kien hemm ilmenti dwar nuqqas ta’ ħaddiema, tant li tliet ħaddiema ppreżentaw evidenza li kellhom jaħdmu madwar 12-il siegħa kuljum b’ġurnata waħda biss fil-ġimgħa ta’ mistrieħ.

Min-naħa tiegħu, is-sid qal li l-impjegat kien tkeċċa minħabba li kien traskurat fuq xogħlu u kien moħħu fit-tablet fil-ħin tax-xogħol.

Il-Qorti ordnat lis-sid iħallas €1,000 lill-eks impjegat kif ukoll biex iħallsu l-pagi kollha li ma kienx tah. Il-Qorti talbet ukoll li kopja ta’ din is-sentenza tiġi ppreżentata lid-DIER kif ukoll lill-Kummissarju għad-Dħul.