Il-Kummissarju tal-Ġustizzja Vera Jourova mistennija tasal f’pajjiżna l-Ġimgħa tal-ġimgħa li ġejja biex tiltaqa’ ma’ ministri Maltin kif ukoll uffiċjali tal-ġustizzja.
Żvelat dan l-EU Observer li ddikjarat li din iż-żjara, bħala parti minn dik li qed tissejjaħ bħala missjoni sensittiva, qed issir fl-isfond tal-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Brussell, Jourova rreferiet għal dawk li sejħitilhom bħala allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fl-ogħla livell tal-gżira Maltija, fejn kemm uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll Membri Parlamentari Ewropej issa huma nvoluti biex jaraw li ssir ġustizzja.
“Irrid nara fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia,” iddikjarat il-Kummissarju Jourova lill-ġurnalisti.
Din iż-żjara qed issir ukoll wara żjara oħra, din id-darba minn grupp Parlamentari tal-Parlament Ewropew, li f’rapport li ħejjew dwar Malta ddikjaraw li huma mħassba serjament dwar l-indipendenza tal-Korp tal-Pulizija u l-ħasil ta’ flus internazzjonali.
Pajjiżna fost oħrajn għadu ma implimentax riżoluzzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħasil tal-flus, b’dan in-nuqqas li mistenni jwassal għal proċedura ta’ azzjoni kontra Malta.
Filfatt dan in-nuqqas se jkun fost il-kwistjonijiet li Jourova mistennija tindirizza f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet Maltin, kif ukoll il-bżonn li l-Financial Intelligence Analysis Unit issaħħaħ il-mekkaniżmu tagħha kontra l-ħasil tal-flus.
//= $special ?>
