It-tiratur tas-skeet Vincent Hancock kiseb l-ogħla pożizzjoni fuq il-podju wara li rebaħ il-midalja tad-deheb fil-kompetizzjoni skeet, fit-tappa tat-Tazza tad-Dinja li qed issir fir-Ranges Nazzjonali f’Ta’ Kandja.
Fit-tieni ġurnata ta’ kwalifikazzjoni, kien ir-Russu Astakhov Anton li kkwalifika għall-fażi finali bl-ogħla skor wara li laqat 124 minn 125 plattina. Hancock spiċċa t-tieni b’123 segwit minn Russu ieħor Yaroslav Startsev b’122.
Eric Delaunay ta’ Franza, Azamy Mehelba tal-Eġittu u Gabriele Rosetti tal-Italja kkwalifikaw b’shoot-off wara li kollha laqtu 121 plattina.
Il-finali kienet missielta, b’Hancock joħroġ rebbieħ fuq l-Eġizzjan Mehelba meta laqat 56 plattina minn 60, tnejn aktar mill-isfidant dirett tiegħu. Gabriele Rosetti spiċċa t-tielet b’45 plattina milquta, segwit minn Anaton Astakhov, Yaroslav Startsev u Eric Delaunay li kienu eliminati fir-rawnds preċedenti.
Għall-Amerikan, din kienet l-għaxar midalja tad-deheb f’Tazza tad-Dinja u t-tielet waħda għalih din is-sena wara s-suċċess fi Guadalajara fil-Messiku u Changwon fil-Korea.
Hancock li hu darbtejn rebbieħ Olimpiku, qal li dan is-suċċess kien wieħed mill-itqal kompetizzjonijiet biex jispara. “Kellna ħafna tibdil fit-temp, ix-xemx kienet perfetta, Malta hi pajjiż sabiħ, iżda r-riħ kien definittivament fattur fl-aħħar jiem. Illum kien aktar kalm, it-targets kienu aktar konsistenti u rajna ħafna riżultati tajbin,” qal Hancock fl-ewwel reazzjoni tiegħu.
B’kollox kien hemm ħames tiraturi Maltin li kienu fl-azzjoni fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni. Darren Vella laqat 110/125, Bozidar Dimitrov laqat 103/125, Marlon Attard laqat 97/125, Jason Sciberras laqat 93/125 u Marcello Attard laqat 89/125.
Illum hi ġurnata ta’ mistrieħ, bil-kompetizzjonijiet ikomplu t-Tnejn li ġej bil-kompetizzjoni tat-trap tan-nisa, fejn tkun fl-azzjoni l-unika tiratriċi Maltija Mikaela Galea.
//= $special ?>