Hekk kif fl-Italja daħal l-ewwel grupp ta’ immigranti mindu laħaq Gvern ġdid immexxi mill-Prim Ministru Giuseppe Conte, mill-ewwel bdiet il-kontroversja bejn Malta u l-Italja.
Dan hekk kif il-Ministru tal-Intern Matteo Salvini fetaħ il-kanuni fuq Malta, li skontu rrifjutat lil dawn l-immigranti li talbu li jinġiebu lejn Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet, hu għamilha ċara li mhux se jippermetti li Malta tibqa’ tirrifjuta lil kull grupp ta’ immigranti li jiġu salvati qrib Malta.
Matteo Salvini saħansitra appella lin-Nato biex tiddefendi lill-italja mill-immigranti.
Il-każ hu dwar bastiment salvat mill-għaqda mhux governattiva Sea Watch 3 li abbord kellu 232 immigrant, fosthom numru ta’ tfal kif ukoll 17-il mata, li waħda minnhom qed tistenna wild. Dawn eventwalment niżlu f’Reggio Calabria, wara sigħat ta’ inċertezza.
Iżda għad-dikjarazzjoni ta’ Salvini rrisponda l-Gvern Malti, li tard filgħaxija permezz ta’ stqarrija tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ċaħad kategorikament l-akkużi.
Il-Gvern iddikjara, li Malta qed timxi skont il-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli għaliha u ma tirrifjutax immigranti għax tħares l-obbligi kollha tagħha.
Ċaħda wkoll mit-tmexxija tal-bastiment li salva lill-immigranti, hekk kif fi stqarrija oħra, din l-għaqda mhux governattiva ddikjarat li mhux minnu li Malta kien l-eqreb port sigur.
L-attakk ta’ Matteo Salvini fuq Malta, li jasal ftit sigħat biss wara li attakka wkoll lill-Gvern Tuneżin, wasslet ukoll għal botta mill-President tal-Kamra fl-Italja, Roberto Fico.
Fico, alleat ta’ Salvini, iddikjara li “organizzazzjonijiet li jgħinu lill-oħrajn għandhom jiġu mgħejuna” u li “s-solidarjetà għandha tkun dejjem u ta’ kulħadd, u ma tappartjenix għal xi ħadd partikolari biss.”
//= $special ?>