Ir-rekords f’dan l-istaġun komplew jinkisru hekk kif Sebastian Vettel rebaħ il-pole position għall-Grand Prix tal-Kanada b’ħin rekord taċ-ċirkwit. Is-sewwieq tal-Ferrari sab il-forma fit-tielet fażi f’Montreal u waqqaf l-arloġġ f’ħin ta’ 1:10.764.
Fl-ewwel filliera mal-Ġermaniż, se jkun hemm Valtteri Bottas li spiċċa biss 0.093 wara Vettel, filwaqt li Max Verstappen kellu dawra veloċi lejn it-tmiem u se jibda t-tiġrija mit-tielet post. Fit-tliet sessjonijiet liberi, Verstappen kien l-aktar veloċi.
Diżappunt għaċ-champion renjanti Lewis Hamilton li kellu jikkuntenta bir-raba’ post minkejja li kien fost il-favoriti li jikseb il-pole position. Żball ta’ Kimi Raikkonen fl-aħħar dawra tiegħu, ċaħħdet lill-Finlandiż milli jtejjeb il-ħames post, b’Daniel Ricciardo jtemm fis-sitt post.
Force India u Renault kisbu l-erba’ postijiet ta’ wara, b’Nico Hulkenberg jikseb is-seba’ post, segwit minn Esteban Ocon tal-Force India, Carlos Sainz fit-tieni karozza Renault fid-disa’ post u Sergio Perez jagħlaq l-ewwel għaxra.
Fit-tielet u l-aħħar fażi ta’ kwalifikazzjoni, Bottas kien sar l-ewwel sewwieq li jagħmel ħin taħt il-minuta u 11-il sekonda, iżda l-Ġermaniż wieġeb b’ħin rekord lejn nofs is-sessjoni, liema ħin reġa’ tejbu fl-aħħar dawra tiegħu.
Kif se jibdew
1. Sebastian Vettel 1:10.764
2. Valtteri Bottas +0.093
3. Max Verstappen +0.173
4. Lewis Hamilton +0.232
5. Kimi Raikkonen +0.331
6. Daniel Ricciardo +0.352
7. Nico Hulkenberg +1.209
8. Esteban Ocon +1.320
9. Carlos Sainz +1.404
10. Sergio Perez +1.907
Eliminati fit-tieni fażi
11.Kevin Magnussen 1:12.606
12. Brendon Hartley 1:12.635
13. Charles Leclerc 1:12.661
14. Fernando Alonso 1:12.856
15. Stoffel Vandoorne 1:12.865
Eliminati fl-ewwel fażi
16. Pierre Gasly 1:13.047
17. Lance Stroll 1:13.590
18. Sergey Sirotkin 1:13.643
19. Marcus Ericsson 1:14.593
20. Romain Grosjean Bla ħin
//= $special ?>