Lokali

Priġunier mill-Mali imut b’kawżi naturali

Il-priġunier ta’ 35 sena mill-Mali, Mamadou Sakine, li nstab mejjet fuq it-tapit taċ-ċella tiegħu kmieni l-Ħamis filgħodu miet b’kawża ta’ trombożi, jiġifieri miet mewta naturali wara li waqaf id-demm lejn qalbu.

Dan irriżulta mill-awtopsja li saret il-Ġimgħa fil-kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei, bil-Maġistrat Joseph Mifsud, li nħatar biex imexxi inkjesta, jagħti permess għad-difna tal-priġunier.

Immedjatament mas-sejba tal-priġunier, għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart ta’ filgħodu,  kien dikjarat li fuq il-priġunier ma nstabu l-ebda sinjali ta’ vjolenza  u lanqas traċċi ta’ abbuż mid-droga.

Sakine nstab mixħut mal-art, liebes ilbies assoċjat mar-Ramadan.

Il-priġunier mill-Mali kien qed jinżamm fil-Ħabs fuq arrest preventiv wara li ftit ġimgħat ilu tressaq il-Qorti akkużat li stupra anzjana ta’ 72 sena residenti f’San Pawl il-Baħar.

L-anzjana hi Ingliża u r-raġel mill-Mali dejjem baqa’ jsostni l-innoċenza tiegħu fis-sens li huma kellhom relazzjoni li kienet ilha għaddejja bosta xhur.