Għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex għada fis-2pm jingħata bidu għall-Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-media tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Maratona, li se tittella’ fid-Dar Ċentrali, għandha t-tema “Saħħaħ il-Vuċi Tiegħek”, bl-għan li jinġabru fondi ħalli l-Partit isaħħaħ il-mezzi tal-komunikazzjoni tiegħu.
Fost l-aħħar tħejjijiet, ilbieraħ bdew jaslu fid-Dar Ċentrali l-madum li qed jinbigħu għal €50. Il-madum bl-Arma tal-Partit Nazzjonalista huma replika ta’ dawk li nstabu f’dar fl-Isla u nħadmu lokalment mill-kumpanija Mediterranean Ceramics.
Ma’ NETnews.com.mt, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Robert Arrigo spjega li fir-replika, inżammu d-dettalji li kien hemm fil-madum oriġinali.
Saħansitra nżamm żball relatat mal-ittra “N” fl-Arma tal-Partit, bil-kumpanija li qed toħloqhom ġibdet l-attenzjoni ta’ Robert Arrigo. Iżda l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-produzzjoni kellha tibqa’ għaddejja, bil-madum jibqgħu jinżammu daqslikieku oriġinali.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota kif il-Partit Laburista diġà ġabar il-fondi biex isaħħaħ il-ħidma tiegħu għell-elezzjoniet tas-sena d-deħla.
Għaldaqstant, issa jmiss lill-Partit Nazzjonalista li jitlob il-ġenerożità tal-poplu ħalli jsaħħaħ lill-media tiegħu. Robert Arrigo fakkar li l-Partit Nazzjonalista għad għandu bżonn lill-poplu ħalli jibqa’ Partit tan-Nies.
Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi se tixxandar LIVE fuq NET Television, Radio 101 u Facebook Live. Matulha ma jonqsux spettakli għll-familja kollha u numru ta’ rigali għal min jagħti donazzjoni.
//= $special ?>