Simona Halep rebħet l-ewwel Grand Slam tagħha wara li għelbet lil Sloane Stephens bi prestazzjoni brillanti biex kisbet l-Open ta’ Franza.
It-tennista ta’ 26 sena kienet tilfet l-aħħar tliet finali ta’ Grand Slams fosthom darbtejn fir-Roland Garros, iżda rkuprat minn set minn taħt biex rebħet 3-6, 6-4, 6-1 f’sagħtejn u tliet minuti.
Halep li hi s-sid numru wieħed waslet fil-finali wara rebħiet konsekuttivi kontra rebbieħa ta’ żewġ Grand Slams Angelique Kerber u Garbine Muguruza. Hi waqqfet lil Stephens milli tirbaħ it-tieni Grand Slam wara li s-sena l-oħra rebħet l-Open tal-Istati Uniti.
“Kont qed noħlom għal dan il-mument minn meta bdejt nilgħab it-tennis. Meta kont logħba minn taħt fit-tieni set, ħsibt li ‘kollox kien mitluf, se nibda nirrilassa u ngawdi l-logħba, u rkuprajt.”
Stephens fetħet tajjeb u rebħet l-ewwel set 6-3. L-Amerikana kienet fil-kontroll tal-logħba u saħansitra kisbet l-ewwel logħba tat-tieni set. Halep li kellha l-appoġġ tal-folla preżenti, bdiet tirkupra, kisret is-service fl-ewwel opportunità li kellha u rebħet disa’ punti konsekuttivi biex marret 3-2 minn fuq.
F’mument minnhom, Stephens kienet żewġ logħbiet bogħod mir-rebħa, iżda Halep żiedet il-pressjoni u rnexxielha tirbaħ it-tieni set 6-4 biex sfurzat decider. Halep żammet ir-ritmu wara l-mistrieħ u ħadet vantaġġ mill-iżbalji ta’ Stephens biex assigurat ir-raba’ break konsekuttiv.
Stephens rebħet l-ewwel break fit-tielet set hekk kif il-logħba resqet qrib is-sagħtejn, iżda Halep għalqet il-logħba ftit wara.
//= $special ?>