Fi Quebec, il-Kanada, qed isir is-summit tal-mexxejja tal-pajjiżi l-aktar industrijalizzati. Summit li mistenni jkun l-aktar wieħed jaħraq għal ħafna snin. Dan minħabba t-tilwim kummerċjali li hemm mal-Istati Uniti.
Lejliet is-summit, il-mexxejja tal-Kanada u Franza kellhom kliem iebes fil-konfront tal-President Amerikan Donald Trump minħabba tariffi li hu impona fuq l-azzar u l- aluminjum u li wassal għal ritaljazzjoni. Qed ikun hemm tbassir li jista’ jkun hemm tilwim anki minħabba l-pożizzjoni Amerikana rigward l-Iran u l-bdil fil-klima.
Trump min-naħa tiegħu qal li kien se jkun qed jitlaq mill-Kanada kmieni minħabba s-summit li se jkollu nhar it-Tlieta f’Singapore mal-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un.
Il-G7 jgħaqqad il-mexxejja tal-Istati Uniti, il-Kanada, ir-Renju Unit, Franza, l-Italja, il-Ġappun u l-Italja u s-summit qed isir f’La Malbaie, fil-Quebec.
Il-polemiċi bdew qabel il-wasla ta’ Trump u komplew mal-wasla tiegħu, meta hu kkritika l-fatt li r-Russja kienet tkeċċiet mill-grupp ta’ pajjiżi.
Dan ukoll se jkun l-ewwel summit tal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, li ftit ġranet ilu ħa l-ġurament tal-ħatra.
Għal dan is-summit hemm jagħmlu l-għassa mat-8,000 membru tal-forzi tas-sigurtà Kanadiżi.
Summit tal-G7 mimli antagoniżmu


