Lokali

Titħassar titjira oħra tal-Air Malta – din id-darba minn u lejn Orly, f’Pariġi

Il-linja nazzjonali tal-ajru tkompli togħtor taħt il-problemi kkawżati minn dak li l-Air Malta qed issejaħlu bħala problemi operazzjonali, iżda li fil-verità tfisser nuqqas ta’ ajruplani.

Dan hekk kif is-Sibt ġiet kanċellata t-titjira li fis-sagħtejn neqsin għaxra ta’ wara nofsinhar kellha tħalli Malta lejn l-ajruport ta’ Orly, Pariġi u li kellu jirritorna lejn Malta fit-tmienja ta’ filgħaxija mill-istess ajruport.

Dan iseħħ l-għada li l-Air Malta kkanċellat it-titjira lejn Southend, fir-Renju Unit, dejjem bl-istess skuża ta’ problemi operazzjonali. Il-Ġimgħa wkoll kienet ikkanċellata titjira oħra, din id-darba lejn l-ajruport ta’ Frankfurt fil-Ġermanja.

Biex tkompli tgħaxxaq is-sitwazzjoni, il-Ġimgħa filgħaxija ajruplan tal-Air Malta ntlaqat minn trakk ta’ kuntrattur li jipprovdi l-ikel fuq l-ajruplani.

Dan wassal biex l-Air Malta kellha ssejjaħ tim ta’ inġiniera biex jispezzjonaw il-ħsara li ġiet ikkawżata, qabel l-ajruplan seta’ jirritorna għan-normal.

Kien hemm ukoll sensiela ta’ titjiriet oħra li bejn il-Ġimgħa u s-Sibt ittardjaw, b’mod speċjali lejn Palermo u Katanja, kawża ta’ strajk fl-Italja.

Il-problemi għall-Air Malta komplew jikbru mindu l-Ministru Konrad Mizzi ddeċieda li jżid drastikament ir-rotot minkejja li issa hu evidenti li l-linja nazzjonali ta’ pajjiżna lanqas għandha ajruplani biżżejjed biex tissodisfa dan it-tkabbir.

Biss biss l-Erbgħa, kważi t-titjiriet kollha tal-Air Malta telqu tard minn Malta. Dan ftit jiem biss wara li s-sitwazzjoni ggravat tant li l-Kap Kummerċjali tal-Air Malta Paul Sies spiċċa jitkarrab għal ajruplan fuq l-internet.

Fl-aħħar jiem inħolqot ukoll sitwazzjoni li l-linja nazzjonali spiċċat tikri diversi ajruplani minn kumpaniji tal-ajru differenti fuq bażi ta’ kuljum f’xhieda tan-nuqqas ta’ ppjanar u mismanagement li qed jaħkem lill-Air Malta.