Formula 1 Sport

FORMULA 1: Suċċess għal Vettel fil-Kanada

Is-sewwieq tal-Ferrari Sebastian Vettel rebaħ il-Grand Prix tal-Kanada li sar f’Montreal biex tela’ jokkupa l-ewwel post fil-klassifika ġenerali tas-sewwieqa hekk kif qabeż lir-rivali tal-Mercedes Lewis Hamilton.

Dan tal-aħħar temm fil-ħames post f’ċirwkit li s-soltu jmur tajjeb fih filwaqt li fit-tieni post daħal Valterri Bottas tal-Mercedes u fit-tielet Max Verstappen tar-Red Bull.

Għal Vettel din kienet it-tielet rebħa tal-istaġun wara li rebaħ fl-Awstralja u fil-Bahrain. Fl-aħħar tellieqa qabel il-Kanada, Vettel kien kiseb post fuq il-podju f’Monaco u din id-darba tejjeb il-pożizzjoni tiegħu biex kiseb it-tieni rebħa tal-karriera tiegħu f’dan iċ-ċirkwit.

Barra minn hekk, din kienet il-50 rebħa ta’ Vettel u issa qiegħed punt fuq Hamilton fil-klassifika ġenerali. Din hi r-raba’ darba li Vettel temm fuq il-podju fil-Kanada u inċidentalment anke r-raba’ darba li kiseb post fuq il-podju dan l-istaġun.

Din is-sena l-ebda sewwieq għadu ma rebaħ tliet Grand Prix u bla dubju din il-konsistenza li qed juri s-sewwieq Ġermaniż qed tgħinu jisfida lil Hamilton biex jeħodlu x-xettru ta’ champion.

Wieħed jista’ jgħid li l-fatt li Hamilton daħal fil-ħames post kien sorpriża kbira meta wieħed iqis li minn 10 darbiet li tellaq fil-Kanada rebaħ sitt darbiet.

L-ewwel Grand Prix li kien rebaħ fil-karriera tiegħu, lura fl-2007, kien proprju f’dan iċ-ċirkwit meta kien għadu mal-McLaren.

Hamilton kien fir-raba’ post imma Daniel Ricciardo tar-Red Bull qabżu waqt il-pit-stop. Fis-sitt post wara Hamilton daħal is-sewwieq l-ieħor tal-Ferrari, Kimi Raikkonen.

Din kienet l-ewwel rebħa tal-Ferrari fil-Kanada sa mill-2004 u b’hekk fl-istess waqt, Vettel temm tradizzjoni negattiva għat-tim Taljan f’dan il-pajjiż. Tellieqa diżappuntanti kellu s-sewwieq tal-McLaren Fernando Alonso li proprju fit-300 Grand Prix tal-karriera tiegħu kien kostrett jirtira.