Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, wissa li d-diplomazija ma tistax tkun ikkundizzjonata bi ‘spunti ta’ rabja’ wara li s-summit tal-G7 ( għall-aktar seba’ pajjiżi industrijalizzati) intemm fost id-diżgwid u l-battibekki.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien protagonista fid-diżgwid fejn — minbarra li rtira l-appoġġ għall-komunikat finali tas-summit – ikkritika lill-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, bħala ‘ diżonest u dgħajjef’.
Il-komunikat tal-G7 kien intenzjonat biex jegħleb lid-differenzi sostanzjali li jeżistu, b’mod partikulari dwar il-kummerċ. Intant, l-Uffiċċju tal-President Macron qal li Franza u pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea se jibqgħu jappoġġjaw dan il-komunikat finali.
Il-Ġermanja wkoll qalet li se tirrispetta l-komunikat, waqt li Macron sostna li ‘l-impenji li jsiru jeħtieġu li jinżammu, bil-kooperazzjoni internazzjonali ma tistax tkun affettwata minn rabja u kummenti li jsiru mingħajr ħsieb’.
Fl-aħħar ġimgħat, is-sieħba kummerċjali tal-Istati Uniti kritikaw it-tariffi ġodda li l-Gvern ta’ Donald Trump impona fuq l-importazzjoni tal-azzar u l-aluminju. Il-komunikat finali tal-G7, intant, kien intenzjonat biex inaqqas mit-tensjoni filwaqt li jesiġi għal ‘sistema kummerċjali li tibbaża fuq ir-regoli’.
Wara s-summit, il-Prim Ministru Kanadiż, Trudeau, irrepeta l-oppożizzjoni għat-tariffi tal-Istati Uniti u qal li se jinsisti ‘bil-passi ta’ ritaljazzjoni’ mill-Ewwel ta’ Lulju. Intant, u waqt li kien fi triqtu lejn is-summit ta’ Singapore ( fejn se jiltaqa’ mal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un), Trump qal li kien għadda struzzjonijiet lill-uffiċjali Amerikani biex huma ma jaċċettawx il-komunikat tal-G7, waqt li janalizzaw it-tariffi għall-vetturi.
Trump qal li l-pass qed jibbaża ‘fuq l-istqarrijiet foloz ta’ Trudeau u l-fatt li l-Kanada qed timponi t-tariffi kbar għall-bdiewa, il-ħaddiema u l-kumpanniji Amerikani’.
Is-summit tal-G7 li kien organizzat f’La Malbaie, fil-provinċja ta’ Quebec, kopra numru ta’ suġġetti fosthom ir-relazzjonijiet mar-Russja. Fil-komunikat, is-seba’ – l-Istati Uniti, il-Kanada, ir-Renju Unit, Franza, l-Italja, il-Ġappun u l-Ġermanja –laqħu qbil inizjali dwar il-ħtieġa għal ‘kummerċ ħieles u xieraq għall-benefiċċju ta’ kulħadd’ u ‘dwar l-importanza li jiġġieldu lill-protezzjoniżmu’.
//= $special ?>


