Internazzjonali

Il-Ġappun: Omiċidju rari fuq ‘bullet train’

Il-pulizija fil-Ġappun arrestaw raġel fuq suspett li hu qatel passiġġier u darab żewġ persuni oħra b’daqqiet ta’ sikkina. Dan meta s-suspettat kien fuq bullet train, li kien qed jivvjaġġa minn Tokjo lejn Osaka.

L-inċident qajjem paniku kbir fost in-nies fuq il-ferrovija, bl-aggressur suspettat jinżamm wara li l-pulizija assedjat il-vagun li hu kien qiegħed fih, u ladarba l-bullet train waqaf fl-istazzjon ta’ Odawara. Fil-ħin tal-inċident, il-ferrovija – tat-tip li jivvjaġġaw b’veloċità straordinarja – kienet qed iġġorr ‘il fuq minn 800 passiġġier.

L-uffiċjali qalu li passiġġier ( raġel) li spiċċa aggredit mill-aggressur armat spiċċa jmut l-isptar, sigħat wara li kien sofra daqqiet ta’ sikkina f’għonqu. Iż-żewġ vittmi l-oħra huma nisa u ingħad li huma qegħdin jirkupraw mill-ġrieħi li ġarrbu waqt l-attakk.

Is-suspettat, li għandu 22 sena, kien identifikat bħala Ichiro Kojima u skont ir-rapporti hu qal lill-pulizija li kien tela fuq il-ferrovija armat b’diversi strumenti tal-ponta u li kien ‘għażel lill-vittmi tiegħu dak il-ħin u mingħajr distinzjoni’.

Attakki ta’ dan it-tip huma rari ferm fil-Ġappun, li għandu waħda mill-inqas rati ta’ kriminalità vjolenti fost il-pajjiżi żviluppati.