Il-President Sirjan, Bashar al-Assad, ċaħad li r-Russja qed tieħu d-deċiżjonijiet għalih u għal pajjiżu iżda qal li hi ‘ħaġa naturali’ li l-alleati jkollhom differenzi ta’ opinjoni.
Assad qal dan waqt intervista lill-gazzetta Britannika Mail on Sunday li kienet riprodotta mill-aġenzija tal-aħbarijiet Sirjana SANA. Il-Mexxej Sirjan, intant, kien qed iwieġeb għal domanda speċifika dwar jekk ‘ir-Russja tikkontrollax il-passi militari u diplomatiċi min-naħa ta’ Damasku’.
Sadanittant, Bashar al-Assad qal li r-Russja ‘qatt ma tipprova tiddettalu xi jrid jagħmel anki jekk jistgħu jinqalgħu d-differenzi ( bejn Moska u Damasku)’. Hu tenna li, fl-aħħarnett, ‘l-unika deċiżjoni dwar x’qed isir u x’għandu jsir fis-Sirja tittieħed mis-Sirjani’.
L-appoġġ li qed jingħata mir-Russja u l-Iran huwa kritiku għall-magna tal-gwerra ta’ Assad fis-Sirja. Iżda ‘l-intenzjonijiet diversi’ tal-alleati tal-President Sirjan qed isiru dejjem aktar ċari, b’Iżrael jinsisti mar-Russja biex taċċerta li l-Iran ma jikkonsolidax l-influwenza militari tiegħu fis-Sirja.
Jiem ilu kien irrappurtat li l-istazzjonar ta’ truppi Russi fis-Sirja kellu jikkaġuna d-diżgwid ma’ qawwiet appoġġjati mill-Iran fl-istess territorju. Hemm ukoll indikazzjonijiet li l-aħħar sejħiet tar-Russja ‘biex il-qawwiet kollha li mhumiex Sirjani jitilqu min-nofsinar tas-Sirja’ kienu immirati, f’parti, lejn l-Iran.
Sadanittant, Assad tenna, waqt l-intervista, li qed jistenna li l-gwerra f’pajjiżu tkun konkluża ‘f’anqas minn sena’, filwaqt li rrepeta l-intenzjoni tiegħu ‘biex jieħu lura l-kontroll sħiħ tas-Sirja’. Hu kompla li s-sehem ta’ potenzi barranin bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza ‘qed itawwal il-konflitt fis-Sirja’, minbarra li jaffettwa ħażin il-potenzjal għal riżoluzzjoni tas-sitwazzjoni fiz-zoni lejn il-Lbiċ tas-Sirja f’idejn ir-ribelli.
//= $special ?>


