Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dgħajjef wisq biex jeżerċita dixxiplina

Ritratt: Aatu Kankkunen

Il-Ministru Carmelo Abela mhux lest jirriżenja wara li nqabad juża ħaddiema tal-Ministeru li kellu fl-2015 biex fil-ħin tax-xogħol u mingħajr ħlas jibnulu struttura fil-veranda tad-dar privata tiegħu.

Sorsi infurmati qalu lil il-mument li hekk kif inqalet l-aħħar kontroversja fil-gvern ta’ Muscat, Kastilja bagħtet messaġġ lill-Ministru Abela biex joffri r-riżenja tiegħu, iżda t-tweġiba li waslet lura mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kienet “L-ewwel jirriżenja Konrad!”

Quddiem din il-kwistjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat dgħajjef wisq biex jeżerċita dixxiplina fuq Carmelo Abela li ammetta fil-Parlament li kienet martu bil-kunsens tiegħu li qabdet il-ħaddiema tal-istess Ministeru ta’ żewġha biex jibnu struttura tal-injam fil-veranda tagħhom.

Muscat reġa’ sab ma’ wiċċu reżistenza bħalma kien sab meta talab lil Manuel Mallia jirriżenja. Kull darba li jipprova juri li hu l-mexxej, Muscat jiġi ffaċċjat bl-istess rettorika: “L-ewwel jitlaq il-Ministru favorit tiegħek Konrad Mizzi li ħammeġ isem Malta u isem il-Gvern Laburista meta ħamest ijiem biss wara li sar Ministru mar fetaħ kontijiet sigrieti fil-Panamam flimkien maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Fi żmien Gvern Nazzjonalista l-Oppożizzjoni Laburista mmexxija minn Joseph Muscat, kienet qajmet kjass sħiħ kontra l-Ministru Tonio Fenech b’allegazzjoni li kienu ħaddiema ta’ kuntrattur li ħadmu b’xejn fid-dar tiegħu. Tonio Fenech kien innega dik l-allegazzjoni u seba’ snin wara ngħata raġun mill-qrati Maltin li dik tal-Partit Laburista kienet biss kalunja.

Iżda issa li Joseph Muscat għandu Ministru li abbuża mill-pożizzjoni tiegħu u saħansitra nqeda b’ħaddiema fil-Ministeru tiegħu biex bla ħlas bnewlu struttura fil-veranda privata tiegħu, l-istess Muscat ma jista’ jagħmel xejn biex dak li stenna mill-Ministru Tonio Fenech iwettqu mal-Ministru Carmelo Abela.

Is-sorsi infurmati qalulna li kemm ilha li nqalet din il-kwistjoni tal-Ministru Abela, Kastilja sejħu lil Carmelo Abela biex jidher quddiem Joseph Muscat fl-uffiċċju tiegħu iżda Abela irrifjuta li jmur.

“Se noqogħdu nintilfu wara dawn iċ-ċuċati?” kienet ir-risposta li waslet għand il-Prim Ministru b’referenza ċara għal gravità tal-akkużi fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fejn il-Prim Ministru m’għamel xejn għajr li jiddefendihom.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument komplew li “meta l-istess akkużi ta’ kont sigriet fil-Panama saru fil-konfront tiegħu u ta’ martu Michelle, il-Prim Ministru ħadha bi kbira u sejjaħ inkjesta maġisterjali. Allura la hi akkuża inaċċettabbli li Muscat għandu kont il-Panama, għaliex hi aċċettabbli li Ministru jkollu wieħed?” saħqu s-sorsi Laburisti li jinsabu urtati ħafna għall-mod kif qed imexxi Joseph Muscat.

Sadattant, fl-istess ġimgħa li faqqgħet il-kontroversja ta’ Carmelo Abela inqalgħet ukoll kontroversja oħra li Muscat baqa’ ċass quddiemha; dik tal-Ministru Chris Cardona li mar fuq żjara f’Monte Carlo meta kien hemm il-Grand Prix u nefaq €10,000 minn fondi pubbliċi li għalihom m’għandux irċevuti x’juri. Għal darb’oħra Joseph Muscat ma jistax għajr jiddefendi lil Chris Cardona minħabba li fl-iskandlu tal-Panama Papers iddefenda lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.