Lokali

FILMAT: Illum NET TV jagħlaq 20 sena

Erġa' għix il-mumenti storiċi f'dan il-filmat

Kien propju bħal-lum għoxrin sena ilu meta NET Television beda jxandar uffiċjalment fl-10 ta’ Ġunju 1998.

“Dawn kienu għoxrin sena ta’ ħidma bla waqfien,” qal ma il-mument iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Media.Link Communications Pierre Portelli li hu nnifsu kien wieħed mill-ewwel ġurnalisti ta’ NETNEWS meta għoxrin sena ilu beda jxandar għall-ewwel darba l-istazzjon.

Kien propju fl-għeqqel tal-kriżi tal-gvern Laburista ta’ Alfred Sant li NET TV beda jxandar u kien propju Pierre Portelli li dak iż-żmien kien jirrapporta live mill-Parlament meta l-Perit Dom Mintoff kien waqqa’ l-Gvern Laburista.

“Bil-kemm kelna biex naħdmu,” jgħid Pierre Portelli li jirrakkonta kif it-tekniċi tal-istazzjon kienu għaddew wire minn taħt l-imwejjed fi pjazza Reġina sal-każin Nazzjonalista tal-Belt fejn kien hemm antenna li biha setgħu jsiru t-trasmissjonijiet live.

“Kien żmien mill-isbaħ, żmien eċċitatanti għal ħafna żgħażagħ bħali li bdejna l-karriera tagħna fil-media grazzi għall-Partit Nazzjonalista,” żied jgħid Pierre Portelli.

Kien ukoll il-bidu ta’ avventura ġdida għaliex fl-għoxrin sena li għaddew NET TV iddistingwa ruħu bħala stazzjon bi produzzjonijiet ta’ kwalità. Kien ukoll strumentali biex il-Partit Nazzjonalista jirbaħ ir-referendum għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea fl-2003 u l-elezzjoni ta’ wara li assigurat li l-Partit Laburista ma jħassarx il-verdett tal-poplu fir-referendum.

Tul dawn l-għoxrin sena NET TV b’kollox xandar 7,300 bulettin tal-aħbarijiet, saru xandiriet live ta’ avventimenti kbar fl-istorja riċenti tad-dinja kif ukoll ittellgħu programmi li f’Malta ħadd kien għadu ma għamel.

“L-ikbar suċċess ta’ NET TV issibu fil-professjonisti li pproduċa tul is-snin,” jgħid Pierre Portelli. Illum tħares fejn tħares kemm fl-istazzjonijiet tat-TV l-oħra, kemm fil-gazzetti kif ukoll fir-radjijiet uportals Maltin issib nies li xi darba jew oħra ħadmu ma’ NET TV.

Anke fost il-grupp parlamentari Nazzjonalista hemm protagonisti li kienu xi darba jaħdmu fil-media tal-partit.

Il-Kap Adrian Delia kien ġurnalist ma’ Radio 101, bħalma kien ukoll Simon Busuttil. Il-Viċi Kap David Agius ukoll kien ġurnalist mar-radju kif ukoll newscaster fuq NET TV. Anke s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli kien producer u xandar fuq Radio 101, kif ukoll il-President tal-Kunsill Ġenerali, Kristy Debono, kienet newscaster fuq NET TV.

“Dan ikompli juri li l-media tal-PN dejjem serviet ta’ training groundmhux biss għall-prfessjonisti li ħafna minnhom illum jaħdmu f’mediahouses oħra iżda wkoll għal mexxejja politiċi tal-lum,” kompla jgħid Pierre Portelli.

Mistoqsi jgħid x’hemm fil-futur ta’ NET TV, iċ-Chairman Eżekuttiv qal li bħalissa l-istazzjon għaddej minn rinaxxenza qawwija. “Bnieden ta’ għoxrin sena jkun lest jibla d-dinja, aħseb u ara stazzjon!” jgħid Pierre Portelli bi tbissima.

“Għandna ħaddiema li bħalhom ma ssibx. L-entużjażmu tagħhom imur oltre d-dover, u flimkien qed nibnu skeda ġdida għal Ottubru li biha rridu nuru li NET TV għandu ħafna x’joffri lill-udjenzi Maltin,” temm jgħid Pierre Portelli.

Minbarra fir-ringrazzjament lil ħaddiema kollha preżenti, iċ-ChairmanEżekuttiv irringrazzja lil dawk kollha li mexxew l-istazzjon tul dawn l-għoxrin sena: Roger Degiorgio, Anton Attard, Louiselle Vassallo u Joe Mizzi.