Internazzjonali

L-Iżvizzera: Vot biex jimblukkaw il-‘betting sites’ barranin

Il-votanti fl-Iżvizzera appoġġjaw bi ħġarhom liġi ġdida dwar il-logħob online li, fost oħrajn, mgħandhiex tippermetti s-servizzi tal-betting sites barranin għall-ġokaturi lokali.

L-ewwel indikazzjonijiet minn referendum kienu li l-Abbozz ġdid dwar il-Logħob (gambling) kiseb l-appoġġ ta’ 72 fil-mija tal-votanti Żvizzeri. Dan minkejja akkużi li l-liġi għandha tammonta għal ċensura tal-attività fuq l-Internet.

Il-liġi, li tidħol fis-seħħ mis-sena d-dieħla, tippermetti biss lill-casinos u l-kumpanniji tal-gaming irreġistrati l-Izvizzera li jipprovdu servizzi lill-ġokaturi. Il-Gvern Żvizzeru qal li dan qed isir bil-għan ‘li jikkontrollaw il-vizzju tal-logħob’.

Iż-żewġt ikmamar tal-Parlament Żvizzeru diġà għaddew il-leġislazzjoni u waqt li l-abbozz se jippermetti biex il-kumpanniji Żvizzeri joffru online gambling għall-ewwel darba, il-websajts kollha (tal-betting) tal-barranin fil-pajjiż għandhom jispiċċaw ‘imblukkati’. Dan ma niżilx tajjeb mal-avversari tal-abbozz li kkritikaw ‘l-aspett ta’ ċensura partikulari’.

Skont il-Gvern Żvizzeru, id-dilettanti fil-pajjiż jilgħabu l-ekwivalenti ta’ madwar 200 miljun ewro fis-sena mal-betting sites barranin li mhumjiex irregolati. Intant, xi attivisti qed jgħidu li l-liġi ġdida se tiswa l-flus lill-Gvern għaliex iżżid it-threshold għar-rebħ taxxabbli minn 1,000 għal miljun franc Żvizzeru.