Illum il-maratona ġbir ta’ fondi bit-tema ‘Għinna nsaħħu l-vuċi tiegħek’ b’risq il-Partit Nazzjonalista
“Il-maratona li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza matul il-ġurnata tal-lum għandha importanza kbira għaliex permezz tal-fondi li se jinġabru se jkompli jsir l-investiment tant meħtieġ għat-tisħiħ tal-media tal-Partit Nazzjonalista.
“Kulħadd irid japprezza li filwaqt li l-Gvern għandu vantaġġi kbar ħafna fejn tidħol il-media – il-media tiegħu, il-media tal-GWU, il-media tal-Istat u flejjes li jonfoq fuq media oħrajn. Iżda l-Partit Nazzjonalista għandu biss il-media tiegħu fuq xix jista’ jserraħ biex iwassal il-messaġġ tiegħu.”
Pierre Portelli, Chairman Eżekuttiv ta’ Media.link Communications, qal dan f’kumment lil il-mument in vista tal-maratona li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza llum biex jiġbor fondi li se jmorru għat-tisħiħ tal-media tiegħu.
Pierre Portelli fisser li fejn tidħol il-media l-Partit Nazzjonalista jrid jissielet kontra ħafna diffikultajiet, fosthom tad-dominanza li għandu l-Gvern li ma għandu l-ebda problemi ta’ finanzi biex ixandar dak li jrid, jgħid dak li jrid u juri dak li jrid.
Minkejja kollox, iżda, il-Partit Nazzjonalista mhux se jċedi quddiem dan ix-xenarju kollu u se jibqa’ jagħmel ħiltu kollha biex ikollu messaġġ pożittiv, messaġġ ta’ tama li jrid jitwassal fost in-nies bl-aktar mod effettiv u bl-iżjed mod modern kif jitolbu ż-żminijiet tal-lum.
Pierre Portelli qal li llum l-investimenti fil-media moderna jeħtieġu ħafna flus u l-Partit Nazzjonalista għal darba oħra jdur fuq in-nies biex bil-ftit mingħand il-ħafna terġa’ tinġabar somma sabiħa ta’ flus li tmur għal dan l-iskop.
Hu qal li hu importanti ħafna li l-Partit Nazzjonalista jinvesti fil-makkinarju tiegħu kif ukoll fir-riżorsi umani għaliex b’hekk ikun jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu b’tali mod li jkun jista’ jilħaq firxa usa’ ta’ qarrejja, telespettaturi u semmiegħa.
Hu fakkar li proprju għoxrin sena ilu l-Partit Nazzjonalista waqqaf l-istazzjon tat-televiżjoni tiegħu li baqa’ jxandar kontinwament sal-ġurnata tal-lum grazzi mhux biss għas-sagrifiċċji ta’ tant u tant persuni, imma wkoll għas-sostenn kontinwu ta’ eluf ta’ nies li jemmnu fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed ikompli jinbena u jissaħħaħ u l-media tiegħu hi fost il-pilastri l-aktar importanti biex meta jasal il-mument, il-Partit ikun jista’ jixgħel il-makna tiegħu u juri lil kulħadd li kapaċi jkun gvern alternattiv għal dak attwali li hu mifni bil-korruzzjoni u bl-abbużi.
Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ferm aħjar u hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista u t-tim il-ġdid immexxi minn Adrian Delia qed jaħdmu qatigħ biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jkun viċin in-nies u jisma’ lin-nies biex fl-aħħar mill-aħħar ikun il-vuċi tan-nies billi jassigura li l-politika ssir minn isfel għal fuq.
Hu temm jappella lil kulħadd biex illum il-Ħadd mhux biss jagħtu d-donazzjonijiet ġenerużi tagħhom lill-Partit Nazzjonalista, iżda jilqgħu l-istedina biex iżuru d-Dar Ċentrali li għandha l-bibien tagħha miftuħa għal kulħadd għaliex hi tassew id-dar għalina lkoll.
Hu temm li l-iskop ta’ din il-maratona li se jkun qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista llum hu biex jinġabru fondi mill-aktar importanti li għandhom ikomplu jsaħħu l-vuċi tal-Partit.
“Il-flus li se jinġabru minn din il-maratona ta’ Ġunju għandhom l-iskop li jkomplu jgħinu lill-Partit fil-ħidma tiegħu li jimmodernizza lilu nnifsu fit-twassil tal-messaġġ u fl-organizzazzjoni li qed issir biex nilħqu aktar nies,” temm Pierre Portelli.
//= $special ?>