Internazzjonali

Singapore: L-aħħar fażi qabel is-summit ta’ Kim ma’ Trump

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, jinsabu f’Singapore għas-summit storiku li se jsir it-Tlieta u li se jkun l-ewwel wieħed bejn President Amerikan fil-kariga u mexxej tal-Istat Korean komunista.

Kim Jong-un kien l-ewwel wieħed li wasal f’dan il-pajjiż flimkien mal-kontinġent tiegħu u fejn kien segwit minn Trump, li niżel f’Singapore bl-ajruplan Air Force One ( tal-Presidenza Amerikana).

Is-summit bejn Trump u Kim se jsir fuq il-gżira ta’ Sentosa u l-President Amerikan qed ifisser l-avveniment bħala ‘ċans ta’ darba għall-paċi’. Donald Trump qal ukoll li t-taħditiet tiegħu ma’ Kim Jong-un jistgħu jmorru fi kwalunkwe naħa u li, minkejja s-sens ta’ ottimiżmu, is-sitwazzjoni tibqa’ waħda imprevedibbli.

Intant, l-Istati Uniti qed tittama li s-summit jixpruna proċess li, eventwalment, iwassal biex il-Korea ta’ Fuq twarrab għal kollox għall-armamenti nukleari.

Is-summit f’Sentosa għandu l-potenzjal li ‘jibdel id-dinja’ wara xhur fejn Trump u Kim kienu involuti f’sensiela ta’ battibekki u fejn ma naqsux it-theddid dwar ‘gwerra’. Madankollu, il-mexxejja rivali, maż-żmien, biddlu l-atteġġjament u impenjaw ruħhom għal din il-laqgħa wiċċ-imb-wiċċ li kapaċi tħalli impatt sostanzjali fuq livell globali.

Malli wasal f’Singapore, Kim Jong-un kellu laqgħat mal-Prim Ministru Lee Hsien Loong. Fil-fatt, Singapore hu biss it-tielet pajjiż li qatt żar Kim kemm ilu li laħaq Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, fl-2011. Intant, mistenni wkoll li jsiru l-laqgħat bejn Hsien Loong u Donald Trump ‘fis-sigħat ta’ qabel is-summit’.