Lokali

Suċċess ieħor għall-ALS Malta – organizzat gala dinner biex jinġabru l-fondi u jitqajjem għarfien

L-għaqda mhux governattiva ALS Malta s-Sibt filgħaxija organizzat gala dinner li kellu l-għan mhux biss li jinġabru l-fondi għall-proġetti ta’ din l-organizzazzjoni, imma wkoll li jkompli jiżdied l-għarfien dwar din il-kundizzjoni.

Gala dinner li għalih attenda mhux biss Bjorn Formosa, li bil-ħidma tiegħu twaqqfet din l-għaqda, imma wkoll diversi persuni oħra f’pajjiżna li għaddejjin mill-martirju li ġġib magħha din il-kundizzjoni.

Attività li ġabret flimkien ukoll politiċi mill-partiti politiċi differenti, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia akkumpanjat mill-mara tiegħu Nickie Vella de Fremeaux li ilha għal snin taħdem favur għaqdiet mhux governattivi li jgħinu persuni għaddejjin minn tbatija. Hi wkoll l-avukat li tirrappreżenta lil ALS Malta.

Matul is-serata kien hemm ukoll divertiment, fost oħrajn minn Emma Muscat, friska mis-suċċess waqt Amici, kif ukoll mill-Ambaxxatriċi dwar is-Saħħa Mentali Christabelle Borg fost oħrajn.

Bħalissa ALS Malta għaddejja b’ħidma bla heda bl-għan li jinġabru biżżejjed fondi biex ikun finanzjat il-proġett tat-tieni dar għal persuni li għaddejjin mill-isfida kbira tal-ALS.