Sport Sport Ieħor

TENNIS: Rafa Nadal jirbaħ l-Open ta’ Franza

It-tennista Spanjol Rafael Nadal rebaħ l-Open ta’ Franza għal rekord ta’ 11-il darba hekk kif fil-finali għeleb lil Dominic Thiem. Nadal, tennista li tilef biss darbtejn minn 88 logħba fuq it-tafal f’Pariġi rebaħ bi skor ta’ 6-4 6-3 6-2 kontra t-tennista Awstrijak li kien qed jilgħab fl-ewwel finali ta’ Grand Slam.

Dan kien is-17-il Grand Slam li rebaħ Nadal matul il-karriera tiegħu u għamel dan kontra tennista li sena ilu lagħab kontrih fis-semifinali tal-istess kompetizzjoni.

Minkejja t-telfa, tajjeb wieħed jgħid li din id-darba Thiem offra sfida akbar lil Nadal imma din ma kinitx biżżejjed biex iwaqqaf id-dominju tal-Ispanjol fi Franza.

Ta’ min jinnota li Nadal hu t-tieni tennista wara Margaret Court, li rebaħ 11-il-darba l-istess Grand Slam. Court kienet rebħet l-Open tal-Awstralja 11-il darba bejn l-1960 u l-1973.

B’din ir-rebħa Nadal kompla wkoll jikkonferma l-qawwa tiegħu fuq it-tafal hekk kif din s-sena diġa’ rebaħ titli f’Monte Carlo, Barċellona u Ruma.