L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni ppubblikat ir-riżultati ta’ stħarrig li għamlet dwar is-servizzi tat-telefonija fissa fost konsumaturi residenzjali.
Minn dan l-istħarriġ joħorġu numru ta’ ċifri interessanti, li fost oħrajn juru kif il-maġġoranza assoluta ma jafux kemm jonfqu kull xahar f’telefonija, jew kemm tiswa’ kull telefonata.
Filfatt 78% tal-parteċipanti b’abbonament tat-telefonija fissa wieġbu li ma jafux kemm hi l-ispiża ta’ kull xahar fuq l-abbonament tagħhom.
Dan ifisser żieda ta’ tmien punti perċentwali meta mqabbel mal-istess riżultat ta’ stħarriġ simili li sar fl-2015. 64% ta’ dawk li ma jafux kemm hija l-ispiża ta’ kull xahar fuq is-servizz, qalu li r-raġuni għal dan hija għax jixtru s-servizz f’‘bundle’ u li dan jagħmilha diffiċli sabiex ikunu jafu eżatt x’qed jonfqu fuq is-servizz tat-telefonija fissa waħdu.
Jeżisti wkoll nuqqas ta’ għarfien fuq kemm tiswa telefonata ta’ minuta li toriġina minn abbonament ta’ telefonija fissa. Kienu 25% biss tal-parteċipanti b’abbonament ta’ telefonija fissa li wieġbu li jafu kemm kienet tiswa telefonata ta’ minuta bejn żewġ numri ta’ telefonija fissa abbonati mal-istess operatur.
Jirriżulta wkoll li 99.8% tar-residenzi f’Malta għandhom aċċess għat-telefonija fissa, bil-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ qalu li jixtru s-servizz f’bundle ma’ servizzi ta’ kommunikazzjoni oħra, fuq bażi kuntrattwali ta’ sentejn.
80% tal-parteċipanti b’abbonament tat-telefonija fissa wieġbu li jqisu s-servizz tal-mowbajl bħala sostitut għas-servizz ta’ telefonija minn fuq linja fissa waqt li 46% tal-parteċipanti qalu li jqisu applikazzjonijiet bħal WhatsApp, Skype u Messenger, bħala sostituti għas-servizz ta’ telefonija minn fuq linja fissa.
L-istħarriġ sar minn Grant Thornton f’Diċembru 2017, permezz ta’ intervisti bit-telefown lil diversi familji magħżula b’mod każwali f’kampjun rapreżentattiv. F’dan l-istħarriġ ipparteċipaw b’kollox 824 familja.
//= $special ?>
