Lokali

Adrian Delia lest jikkopera bis-sħiħ fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia m’għandu l-ebda problema li l-maġistrat li qed imexxi l-inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jaċċessa l-informazzjoni dwar it-telefonati tiegħu.

Iddikjara dan Adrian Delia nnifsu fi stqarrija wara li sar magħruf li l-Maġistrat Anthony Vella talab lill-kumpaniji tat-telefonija f’pajjiżna biex ikollu aċċess għall-call logs tal-Prim ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni stess kif ukoll tal-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona.

Fit-talba tiegħu, il-Maġistrat Vella ddikjara li din l-informazzjoni tgħinu jkompli jinvestiga dan il-każ li mhux biss ixxokkja lill-Malta imma ħalla impatt fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fuq livell internazzjonali.

Minkejja li t-talba saret ammont ta’ ġimgħat ilu, din l-informazzjoni għadha m’għaddietx għandu minħabba li hemm numru ta’ problemi relatati mal-informazzjoni dwar it-telefonati tal-Prim Ministru.

Dan hekk kif qed isir l-argument li din l-informazzjoni dwar il-Prim Ministru tpoġġi sfidi ta’ sigurtà, fosthom kuntatti u konverżazzjonijiet ma’ mexxejja internazzjonali.

F’kuntatt ma’ The Malta Today, uffiċjali tal-Gvern urew tħassib dwar it-talba tal-Maġistrat, f’sitwazzjoni li tqajjem tħassib li dawn m’għandomx fiduċja fil-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta.

Għall-kuntrarju, Adrian Delia saħaq li hu mhux biss lest jikkopera bis-sħiħ fl-investigazzjoni, anzi jekk hemm bżonn xi permessi mingħandu lest jiffirma biex jagħti aċċess sħiħ għall-investigazzjoni.

Adrian Delia ddikjara wkoll li lest jagħti lill-investigaturi l-permess li jsegwu kull telefonata, messaġġ jew kwalunkwe tip ta’ komunikazzjoni li hemm bżonn biex il-Maġistrat u t-tim tiegħu jagħmlu xogħolhom kif hemm bżonn.