Lokali Saħħa

FILMAT: Konferenza Nazzjonali li tippromwovi l-ħajja ħielsa mid-droga

L-Oppożizzjoni fuq quddiem biex twassal il-vuċi tal-batut

Iktar minn 1800 persuna kull sena jitolbu għall-għajnuna biex jindirrizzaw il-problema tad-droga li jkollhom. Jidher ukoll li t-talbiet minn nies li qatt ma talbu kura qabel żdiedet minn 220 persuna għall-aktar minn 280 persuna bejn l-2013 u l-2016.

Din l-istatistika ġiet ippreżentata mill-Kap tan-National Focal Point on Drugs, Carlo Olivari Demanuele, waqt it-tnedija tal-konferenza nazzjonali: “Ħajja ħielsa mid-droga. Flimkien b’għan wieħed.” li se ssir nhar it-Tlieta 26 ta’ Ġunju fid-9 ta’ filgħodu ġewwa l-binja tal-Parlament. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tikkollabora bis-sħiħ mal-Parlament Malti u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali biex twassal il-vuċi tal-batut u ta’ dawk konċernati minn din ir-realtà. Din se tittella’ ukoll b’kollaborazzjoni mal-Caritas, is-Sedqa u l-Fondazzjoni OASI.

Fl-indirizz tiegħu, Olivari Demanuele kompla jelabora dwar il-qagħda attwali tal-abbuż tad-droga f’pajjiżna:

“Fejn jidħlu nies ġodda li qed jitolbu għall-għajnuna, qiegħdin naraw li l-kokaina ħadet s-sopravvent u bażikament hija d-droga primarja li dawn in-nies qiegħdin isibu diffikultà biha. Warajha tiġi l-kannabis u mbagħad ovvjament hemm l-eroina. Dan ma jfissirx li hemm xi paragun bejn xi droga u oħra. Kull tip ta’ droga hemm bżonn li tiġi ndirizzata.”

Minkejja dan, l-eroina tibqa’ l-aktar droga ttrattata b’aktar minn 70%, segwita bil-kokaina bi 15% u l-kannabis bi 11%. Matul l-2016, mietu 5 persuni b’kawża diretta tal-abbuż tad-droga u qiegħdin jitqassmu aktar minn 330,000 siringa b’xejn minn oqsma diversi tas-saħħa.

Jidher li hemm konċentrament qawwi ta’ problemi t’abbuż tad-droga mad-dawra kollha tal-port, b’70% li jitolbu l-għajnuna jgħixu f’dawk l-inħawi. Skont informazzjoni mogħtija mill-Pulizija, jidher ukoll li l-użu tar-reżina tal-kannabis żdiedet ħafna, b’kważi 50% żieda b’dawk maqbuda bil-pussess tagħha u kważi 30% inqabdu jitraffikawha. Irdupjaw ukoll il-ksur ta’ liġijiet b’rabta mal-abbuż tad-droga, b’aktar minn 380 offiża fl-2012 għal ftit inqas minn 780 fl-2016.

Quddiem dawn ir-realtajiet, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ħarsien tal-Familja u Solidarjetà Soċjali, Claudio Grech, tkellem fuq l-importanza li tingħata viżabilità lill-problema tal-abbuż tad-droga, li toħloq miżerja u problemi soċjali fil-familji:

“L-oppiżizzjoni hija mpenjata biex taħdem bi sħiħ fil-qasam soċjali. Se nkunu qed nipparteċipaw b’mod attiv f’dan il-proċess biex naraw li kemm jista’ jkun f’pajjiżna jiddaħħlu miżuri leġiżlattivi biex l-anġenziji tal-infurzar jingħataw aktar għodod biex jiġġieldu din il-problema.”

Bħala deputat ta’ distrett milqut direttament minn din il-problema, huwa jiltaqa’ ma’ familji li saħansitra tolqothom il-mewt kawża ta’ din il-problema/ Għalihom, jisfaxxaw kwalunkwe argument favur id-dekriminalizzazzjoni tad-droga. Għalhekk, il-Parlament se jkun qiegħed jagħti messaġġ ċar lil min jistgħana fuq il-miżerja ta’ ħaddieħor, li ma huma ħa jsibu ebda tieqa minn fejn jgħaddu.

L-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia, faħħar lil Claudio Grech tax-xogħol kbir tiegħu fil-qasam soċjali u saħaq li din hija waħda mill-inizjattivi xempju ta’ kif tkun viċin tad-demokrazija parlamentari.