Lokali

Investigazzjoni dwar iċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni f’Ħad-Dingli ssib diversi nuqqasijiet

Investigazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar art pubblika devoluta lill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli għall-fini ta’ ċentru interpretattiv, iżda li qed tintuża bħala ristorant, sabet diversi nuqqasijiet amministrattivi.

Is-sit jinsab f’Tal-Veċċa, fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli u jaqa’ bħala sit ta’ Natura 2000.

Fuq livell ġenerali, din l-investigazzjoni żvelat li hemm numru ta’ nuqqasijiet amministrattivi. Dawn jinkludu nuqqas ta’ policies minn dik li kienet id-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern fejn jidħol il-proċess tad-devoluzzjoni tal-artijiet. Primarjament dawn iċ-ċirkustanzi wasslu għal nuqqasijiet fil-proviżjonijiet regolatorji dwar l-użu tas-siti u tas-sullokazzjoni.

L-investigazzjoni nnutat ukoll numru ta’ nuqqasijiet amministrattivi speċifiċi għal dan il-każ. Dawn jinkludu nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-element kummerċjali ta’ dan il-proġett fis-sejħa għal offerti mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, numru ta’ awtorizzazzjonijiet li saru tard, ftehim ta’ sullokazzjoni inadekwat kif ukoll tħassib dwar kemm kienu sfruttati opportunitajiet li jirriflettu aħjar il-valur għall-flus. Tal-aħħar jirreferi għas-sullokazzjoni annwali ta’ Lm20 (€46.60) u r-renta assoċjata mad-devoluzzjoni ta’ Lm100 (€233) fejn dawn iż-żewġ ammonti huma ferm inqas mill-prezzijiet tas-suq.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jiddikjara li din l-investigazzjoni ma setgħetx tifhem il-varjanzi bejn l-intenzjoni tad-Development Control Commission (DCC) fi ħdan dik li kienet l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li rrestrinġiet il-provvista tal-ikel u tax-xorb minn magni awtomatiċi u l-permess tal-iżvilupp li jawtorizza restaurant bħala faċilità anċillari maċ-ċentru interprettativ.

Iċ-Chair DCC saħqet li din is-sitwazzjoni seħħet bi żvista. Dan l-Uffiċċju jattribwixxi din is-sitwazzjoni għall-prattiki dgħajfa tax-xogħol kif ukoll nuqqas ta’ ċarezza u nuqqas ta’ komunikazzjoni interna.