Jibqgħu jippersistu l-problemi għal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta, imbassra mill-anqas sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.
Dan irriżulta minn messaġġ intern li l-Kap tal-Operazzjonijiet Kummerċjali tal-kumpanija Paul Sies għadda lill-impjegati u li kien żvelat mill-ġurnal The Times of Malta.
Skont il-messaġġ intern, il-problemi se jibqgħu sakemm l-Air Malta tirċievi ajruplan ieħor biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas li għandha bħalissa u li kawża ta’ dan, numru ta’ titjiriet qed idumu biex jitilqu jew jaslu Malta, filwaqt li titjiriet oħrajn qed jispiċċaw mħassra.
Fil-messaġġ tiegħu, Paul Sies attakka r-rapporti li qed joħorġu fil-media billi kkwota lil missieru, li kien ġurnalist, u li kien jgħidlu li l-gazzetta tal-lum, għada tkun tajba biss biex tgeżwer fiha l-‘fish and chips’.
Il-Kap tal-Operazzjonijiet Kummerċjali tal-Air Malta kompla li matul din il-ġimgħa, t-titjiriet se jkunu taħt kontroll – u skont hu b’mod normali – bl-ajruplan il-ġdid mistenni jasal fi tmiem din il-ġimgħa.
Paul Sies spjega li hemm aħbarijiet tajbin għall-jiem li ġejjin għax it-titjiriet huma taħt kontroll. Iżda bl-ajruplan li jonqos jasal, il-flotta tkun kompluta.
Filfatt, ftit sigħat wara li bagħat dan il-messaġġ, il-problemi komplew, tant li diversi titjiriet tħassru jew kienu posposti. Fost l-oħrajn, ta’ Casablanca u Flankfurt lejn Malta, kif ukoll titjira minn Milan li raw tardjar ta’ mill-anqas nofsiegħa.
Mistoqsija minn The Times, il-linja nazzjonali tal-ajru ma tatx aktar informazzjoni dwar dan il-messaġġ intern u lanqas dwar il-kritika ta’ Paul Sies kontra l-media.
U dan minkejja li fil-jiem li għaddew, il-Kap tal-Operazzjonijiet Kummerċjali tal-Air Malta uża s-sit soċjali LinkedIn biex jitkarrab għal ajruplan mingħand xi kumpanija oħra.
Min-naħa tiegħu, f’kumment mal-ġurnal The Malta Independent, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo appella lill-Gvern għal aktar impenn b’risq l-Air Malta għax qal li ppretenda aktar ippjanar loġistiku mil-linja nazzjonali tal-ajru.
Robert Arrigo qal li ma jistax jifhem x’inhu jiġri bil-kiri ta’ ajruplan differenti kważi ta’ kuljum. Filwaqt li tenna li għadna ma nafu xejn dwar kemm qed jiswew dawn il-kirjiet, innota x’diżappunt jistgħu jesprimu t-turisti li jkunu bbukjaw it-titjira tagħhom mal-Air Malta u jsibu li qed jivvjaġġaw abbord ajruplan ta’ xi linja tal-ajru oħra.
B’appoġġ għall-ħaddiema tal-Air Malta, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn jistgħu jispiċċaw eżawsti minħabba s-sigħat itwal ta’ xogħol li se jkunu qed jagħmlu b’detriment għal saħħithom. Għaldaqstant, hu tenna l-appell għal aktar informazzjoni min-naħa tal-Gvern biex ma jkunx hemm aktar inkonvenjenti għal dawk li jagħżlu lill-Air Malta biex isiefru kawża tad-dewmien jew saħansitra t-tħassir tat-titjiriet.
//= $special ?>
