Lokali

Jonathan Ferris fetaħ kawża fil-Qorti kontra l-Awtoritajiet Maltin

L-eks uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris fetaħ kawża fil-Qorti kontra l-awtoritajiet Maltin wara li ġie rifjutat status ta’ whistleblower.

Huwa qed isostni li dan huwa llegali u jikkostittwixxi ksur tad-drittijiet tiegħu.

Ferris fetaħ il-kawza kontra s-Segretarju Permanenti Prinċipali  Mario Cutajar, u kontra Philip Massa l-Kap tat-Taqsima tal-Whistleblowers fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Kien proporju dan l-uffiċċju li ċaħad it-talba ta’ Ferris biex jingħata l-istatus ta’ whistleblower.

Ferris qed isostni li tkeċċa mill-FIAU minħabba l-insistenza tiegħu li jinvestiga fil-fond l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni  minn membri tal-Gvern.

Hu kien impjegat fl-FIAU f’Novembru 2016 u kien  responsabbli minn investigazzjonijiet fuq membri jew uffiċjali tal-gvern minħabba l-esperjenza tiegħu bħala Spettur tal-Pulizija fit-Taqsima ta’ Reati Ekonomiċi.

Madankollu mat-tħabbira tal-elezzjoni tneħħa mill-kariga tiegħu u ftit jiem wara l-elezzjoni tkeċċa mill-FIAU wara li l-Ministru Edward Scicluna allega li r-rapport tal-FIAU kien miktub b’tali mod biex ikun mikxuf lill-media.

Fi tmiem Novembru 2017 Ferris kien imsejjaħ biex jixhed quddiem il-Kumitat PANA u fl-1 ta’ Dicembru għamel l-ewwel talba biex jingħata status ta’ whistleblower. Huwa ntalab iressaq din it-talba lit-Taqsima responsabbli mill-Whistleblowers fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru – liema t-talba ġiet miċħuda.

Ferris isostni li huwa tkeċċa mill-FIAU minħabba li kien qed jagħmel xogħlu u minħabba li l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet tiegħu kienu politikament skomdi għall-gvern. Qal li ħass il-ħtieġa li jingħata l-protezzjoni ta’ whistleblower wara li tkeċċa mill-FIAU.

Ferris sostna li l-fatt li ma ngħatax l-protezzjoni ta’ whistleblower jikkostittwixxi ksur tal-liġi u ksur tad-drittijiet bażiċi tiegħu u talab lill-Qorti tidikkjara din id-deċiżjoni bħala nulla. L-applikazzjoni kienet iffirmata mill-avukati Jason Azzopardi u Andrew Borg Cardona.

Mingħajr il-protezzjoni  tal-whistleblower Jonathan Ferris jista’ jiffaċċja sentenza ta’ ħames snin ħabs u multa ta’ €100,000 jekk jikxef dettalji dwar każijiet ta’ korruzzjoni li investiga sakemm kien jaħdem fl-FIAU