Lokali Parlament

L-Għadira se tirdoppja…jeħtieġ pjan dwar it-traffiku

– Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-pjani li l-Bajja tal-Għadira tirdoppja jridu jkunu akkumpanjati bi pjan dwar parkeġġ adegwat fiż-żona.

Fil-parlament Robert Cutajar qal li l-kunsilli lokali ma jistgħux jitħallew barra mill-prodott turistiku u sostna li wasal iż-żmien li fejn hemm iil-bajjiet, il-ħlas tal-permessi għal diversi servizzi minn operaturi kummerċjali li jingħataw għandhom jibqgħu fil-lokalitajiet.

Hu tkellem dwar il-pulizija tat-turisti u sostna li dan l-esperiment kien beda iżda ma nstema’ xejn iktar fuqu. Hu qal li dan għandu jitħaddem b’mod effettiv u immedjat fiż-żoni turistiċi.

Robert Cutajar semma’ l-Bajja tal-Mellieħa u qal li l-pjani tal-Gvern m’humiex tajbin. Hu qal li ngħata l-kelma li mhux se jkun hemm tkabbir tal-Bajja tal-Għadira jekk mhux se jkun hemm ukoll faċilitajiet ta’ traffiku. Il-pjani huma li l-bajja tirdoppja. Hu semma l-effetti li qed ikollhom il-komunitajiet taż-żona tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar minħabba t-traffiku u appella biex ikun hemm l-involviment ta’ Transport Malta f’dan il-proġett. M’għandu jkun hemm l-ebda riskju għall-Blue Flag. Gvern Nazzjonalista kien qed jippjana proġett dwar it-triq li hemm fl-Għadira iżda dan illum mhux jissemma’.

Robert Cutajar staqsa jekk tkomplewx il-pjani ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti u anki tal-Ministru Zammit Lewis, li jidher li kellu pjan totalment differenti minn dak li għandu l-Ministru Konrad Mizzi illum. Hu staqsa jekk iż-żewġ ajruplani li nġiebu mill-Ministru Mizzi għandhomx 25 sena-l wieħed. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Ministru Mizzi qed ikabbar il-flotta meta l-Ministru Zammit Lewis kien qed inaqqasha.