Internazzjonali

L-ogħla livell ta’ refuġjati mill-bidu tal-konflitt Sirjan

In-Nazzjonijiet Uniti qalet li ’l fuq minn 920,000 persuna spiċċaw jgħixu bħal refuġjati fis-Sirja matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena. Il-livell tal-kriżi hu l-ogħla għal perjodu simili tul is-seba’ snin li ilu għaddej il-konflitt ċivili u dan qed jallarma bil-kbir lill-komunità internazzjonali.
Panos Moumtzis, il-koordinatur umanitarju reġjonali tan-NU għas-Sirja, qal li qegħdin jaraw ċaqliq enormi ta’ Sirjani minn post għall-ieħor u li baqa’ konsistenti minn Jannar sa April. Skont Moumtzis, l-ammont sinifikanti tar-refuġjati f’perjodu hekk qasir jissupera kull perjodu (simili) ieħor mindu faqqgħet il-gwerra tas-Sirja f’Marzu tal-2011.
Il-mewġa ġdida tar-refuġjati fis-Sirja tellgħet għal 6.2 miljuni l-ammont tas-Sirjani li qed ikollhom jgħixu l-ħajja ta’ refuġjati f’pajjiżhom stess. Dan meta skont l-istatistika tan-NU fadal anki xi 5.6 miljun refuġjati Sirjani oħra fl-Istati ġirien tas-Sirja.