Lokali

Raġel maħrub minn Malta se jiġi estradit wara li nstab fi Franza

Raġel mill-Ġorġja li ħarab minn Malta matul is-sajf li għadda waqt li kien fuq libertà proviżorja mistenni jinġieb lura pajjiżna minn Franza.

Dan hekk kif matul il-ġurnata ta’ għada l-barrani se jitressaq il-Qorti sabiex jaffaċċja akkużi li 3 snin ilu kien parti minn ċirku kriminali li allegatament wettaq 28 serqa minn Tas-Sliema, San Ġiljan u fil-madwar.

Dan kollu wara li ftit tal-jiem ilu Karlots Dolaberidze ġie arrestat fin-nofsinhar ta’ Franza wara li f’Settembru tal-2017 l-Awtoritajiet Maltin ħarġu mandat t’arrest Ewropew għalih u 4 persuni oħrajn li f’Settembru tal-2015 kienu tressqu l-Qorti mixlija bi 28 serqa minn residenzi f’Tas-Sliema, fil-Gżira, Tal-Pietà, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar.

Il-mandat inħareġ wara li bejn Ġunju u Lulju tal-2017, Dolaberidze u Mate Oniani mill-Ġorġja wkoll, Krysztof Latocha mill-Polonja, Algirdas Sliogeris mil-Litwanja u t-tfajla tiegħu Adilet Shakirgazieva mill-Kyrgyztan ħarbu minn xtutna ftit tal-jiem wara li l-Qorti laqgħet it-talba tagħhom għall-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li darbtejn kuljum kellhom jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija u b’garanzija personali ta’ €30,000 kull wieħed.

Intant hek kif il-Pulizija Franċiża arrestaw lil Karlots Dolaberidze u nfurmaw lill-Pulizija f’Malta, żewġ Pulizija Maltin marru Pariġi biex jeskortaw lill-Ġorġjan lura lejn Malta.