Internazzjonali

Stennija għas-summit bejn Trump u Kim

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qal li l-Istati Uniti qed tittama li s-summit, f’Singapore, bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, ‘ifassal il-kundizzjonijiet għal taħditiet futuri u produttivi’.
Pompeo sostna li l-Istati Uniti tinsab ferm ħerqana ‘biex tara jekk il-Korea komunista hix tassew ġenwina u sinċiera fi kliema’, wara li kelliema fi Pyongyang kienu esprimew ir-rieda għal denuklearizzazzjoni.
Waqt li kellem lill-media dwar is-summit – li se jsir it-Tlieta fil-gżira ta’ Sentosa — Pompeo qal li l-impenn għandu jitqies tassew bħala missjoni ta’ paċi.
F’dan l-impenn diplomatiku storiku, Trump u Kim qegħdin jiltaqgħu wiċċ-imb-wiċċ għall-ewwel darba; b’din tkun anki l-ewwel laqgħa bejn taż-żewġ Stati rivali. Intant, l-Amerikani ilhom jagħmluha ċara li jridu, fuq kollox, jikkonċentraw fuq id-denuklearizzazzjoni tar-reġim fi Pyongyang.

Sadanittant, l-analisti jaħsbu li d-diskors dwar id-denuklearizzazzjoni kapaċi jfisser ‘affarijiet differenti’ għall-Korea ta’ Fuq. Dan fost il-possibbiltajiet li r-reġim fi Pyongyang jista’ jaqbel biex iċedi għan-nukleari, bil-patt li l-Istati Uniti, fost oħrajn, ittemm il-preżenza militari tagħha fil-Korea t’Isfel.