It-tennista Spanjol Rafael Nadal, li għadu kemm rebaħ l-Open ta’ Franza, qal li għadu ma jafx jekk hux se jilgħab fl-Open ta’ Wimbledon. Dan għaliex ma jafx jekk hux se jkun laħaq irkupra fiżikament biex jilgħab f’kompetizzjoni oħra daqstant importanti wara li ilu dawn l-aħħar xhur jilgħab f’diversi turnaments.
Mis-17-il Grand Slam li rebaħ Nadal fil-karriera tiegħu, tnejn minnhom huma ta’ Wimbledon imma kulħadd jaf li l-qawwa ta’ Nadal hi fuq it-tafal u mhux fuq il-ħaxix.
Nadal, li għandu 32 sena qal li fil-passat kien jiflaħ għal aktar logħob imma issa jrid janalizza u jiddeċiedi sew f’liema kompetizzjonijiet jieħu sehem. Fil-jiem li ġejjin, Nadal, flimkien mal-istaff mediku tiegħu se jara jkunx ideali jekk hu jieħux sehem fl-Open ta’ Wimbledon.
“Wara li kelli l-injury ridt nilgħab ħafna partiti biex nerġa’ nikseb il-forma u issa wasalt f’punt fejn irrid nara jekk niflaħx nikkompeti f’Lulju. Hu ovvju li nixtieq nilgħab imma rrid nieħu deċiżjoni għaqlija,” qal Nadal.
Tajjeb wieħed jinnota li fuq il-ħaxix il-ballun jaqbeż inqas milli jagħmel fuq it-tafal u b’hekk it-tennisti jagħmlu aktar pressjoni fuq l-irkoppa. Is-sena li għaddiet Nadal wasal sal-fażi tal-aħħar 16 ta’ Wimbledon.
Nhar il-Ħadd li għadda Nadal rebaħ l-Open ta’ Franza għal rekord ta’ 11-il darba hekk kif fil-finali għeleb lil Dominic Thiem. Nadal, tennista li tilef biss darbtejn minn 88 logħba fuq it-tafal f’Pariġi rebaħ bi skor ta’ 6-4 6-3 6-2 kontra t-tennista Awstrijak li kien qed jilgħab fl-ewwel finali ta’ Grand Slam.
Dan kien is-17-il Grand Slam li rebaħ Nadal matul il-karriera tiegħu u għamel dan kontra tennista li sena ilu lagħab kontrih fis-semifinali tal-istess kompetizzjoni.
Nadal sar it-tieni tennista wara Margaret Court, li rebaħ 11-il-darba l-istess Grand Slam.
B’din ir-rebħa Nadal kompla wkoll jikkonferma l-qawwa tiegħu fuq it-tafal hekk kif din s-sena diġa’ rebaħ titli f’Monte Carlo, Barċellona u Ruma.
L-Open ta’ Wimbledon jibda fit-2 ta’ Lulju u jintemm fil-15 ta’ Lulju.