Lokali

Tlieta jweġġgħu f’inċident ‘head-on’ fi Triq is-Salina

Tliet persuni weġġgħu, wieħed minnhom serjament, f’inċident tat-traffiku li seħħ matul il-lejl li għadda fin-Naxxar.

Fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tas-1am fi Triq is-Salina, kienu involuti vettura tat-tip Peugeot 106 misjuqa minn żagħżugħa ta’ 23 sena mir-Rabat Għawdex u karozza tat-tip Fiat Doblo misjuqa minn żagħżugħ ta’ 25 sena minn Marsaskala.

Għal xi raġuni, dawn iż-żewġ karozzi kienu nvoluti f’inċident ‘head-on’ u l-ħabta tant kienet kerha, li kellha tissejjaħ l-għajnuna ta’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex seta’ jinħareġ żagħżugħ barrani ta’ 26 sena residenti l-Mellieħa, li nqabad fil-Peugeot.

Tim mediku li wasal fil-post ta l-għajnuna lill-feruti, li ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Filwaqt li x-xufier ta’ 25 sena kien iċċertifikat li sofra feriti ħfief, il-passiġġier ta’ 26 sena kien iċċertifikat li sofra feriti serji.

Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni tax-xufiera ta’ 23 sena għadha mhix magħrufa, filwaqt li passiġġiera li kienet magħha, ta’ 28 sena mis-Swieqi, ma sofriet l-ebda feriti.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-għassa Anthony Vella, li ħatar diversi esperti biex jassistuh fl-Inkjesta Maġisterjali. Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.