Internazzjonali Lokali

ŻVOLTA ĠDIDA: Spanja lesta tilqa’ l-immigranti li hemm abbord l-Aquarius

Il-Prim Ministru Sanchez jgħid li l-vapur jista' jidħol Valencia

Fl-aħħar minuti l-Gvern Spanjol ikkonferma li lest jilqa’ l-bastiment Aquarius fil-port ta’ Valencia. Dan wara li għal ġurnata oħra ma kien hemm l-ebda żblokk fil-kwistjoni bejn Malta u l-Italja.

Il-Prim Ministru l-ġdid ta’ Spanja, Pedro Sanchez, ta struzzjonijiet ċari biex pajjiżu juri sens umanitarju quddiem din il-kriżi.

B’hekk, issa l-Aquarius se jbaħħar madwar 1,300km biex jasal sa Valencia. Dan hekk kif bħalissa l-vapur, li għandu aktar minn 600 immigrant fuqu, jinsab bejn Sqallija u Malta.

L-Aquarius hu reġistrat f’Ġibilta’.

Tul il-ġurnata, is-Sindki ta’ Barcelona u Valencia estendew l-istedina tagħhom għal dawn is-629 immigrant, li fosthom hemm ħafna tfal u nisa tqal. “Mhux se ndawwru wiċċna n-naħa l-oħra”, qalet Ada Colau, is-Sindku ta’ Barcelona.

Anke s-Sindku ta’ Madrid qalet li l-pajjiż għandu obbligu li juri sens umanitarju quddiem din is-sitwazzjoni.

Aktar aġġornamenti dalwaqt.