Lokali

“Dan hu dak li qed tikkawżaw bir-rimi tal-plastik fil-baħar”

Ritratt li ttella’ fl-aħħar sigħat fuq il-midja soċjali ħalla lil ħafna dispjaċuti, iżda wkoll ixxukkjati għall-ħsara li qed issir minn dawk li bla ħsieb jarmu l-plastik kif ġie ġie.

Dan ir-ritratt juri fellus ta’ papra fil-baħar bejn il-Gżira u Manuel Island, li nstab minn Taljan qalb ħafna biċċiet tal-plastik.

Fil-messaġġ tiegħu, Daniele Baraggioli qal li ra l-fellus mitluq fil-baħar hekk kif kien qed jieħu l-aħħar nifsijiet tiegħu, u ma seta’ jagħmel xejn biex isalvah hekk kif kien bela’ ammont ta’ plastik.

Tella’ wkoll sensiela ta’ ritratti oħra li juru ammont kbir ta’ plastik miġbur mal-moll, kif ukoll siringa, f’xhieda tas-sitwazzjoni gravi mhux biss kawża ta’ dawk li jarmu fil-baħar, imma wkoll dawk li jarmu bl-addoċċ, bl-iskart finalment jispiċċa fl-ilma.