Internazzjonali

Franza: Sitwazzjoni ta’ ostaġġi f’Pariġi

Raġel armat f’Pariġi, bħalissa, qed iżomm xi persuni, fosthom mara tqila, bħala ostaġġi ġo uffiċċju li jinsab f’zona prominenti tal-kapitali Franċiża. Ir-rapporti qalu  li r-raġel hedded lill-pulizija preżenti li hu qed iġorr kwantità ta’ splussivi ġo bagalja, bl-istat tal-allert qed ikompli.

Intant, numru kbir ta’ pulizija armati wieġbu għall-emerġenza u ħadu l-pożizzjonijiet barra l-bini li kien jinkorpora l-uffiċċju inkwistjoni, viċin il-hub tal-Eurostar.

Ir-rapporti qalu li l-aggressur informa lill-awtoritajiet li hu xtaq iwassal messaġġ lill-ambaxxata Iranjana kif ukoll lill-Gvern Franċiż.

Jidher ukoll li l-aggressur spiċċa jferi talanqas persuna li qed tingħad li ‘ħarbitlu’ iżda ma hemmx indikazzjonijiet li hu qed jaġixxi bi skop terroristiku. Għalissa n-nies mhumiex permessi li jidħlu fl-inħawi fejn qed jinżammu l-ostaġġi, fost rapporti li l-awtoritajiet qegħdin  jinnegozjaw mal-aggressur.