Real Madrid ħabbru li l-kowċ nazzjonali ta’ Spanja, Julen Lopetegui se jibda jmexxi lill-Merengues wara li tintemm it-Tazza tad-Dinja.
Lopetegui se jkun qed jieħu post Zinedine Zidane li, kontra kull mistenni, jiem wara li Real kienu għadhom kemm rebħu ċ-Champions League, ħabbar li ma kienx se jibqa’ jmexxi lill-Merengues.
Zidane kien għadu kemm sar l-ewwel kowċ fl-istorja li qatt rebaħ iċ-Champions League tliet darbiet infila hekk kif Real għelbu lil Liverpool bi skor ta’ 3-1 fil-finali fl-Ukrajna. Wara ġimgħat ta’ analiżi, Real għażlu li jaħtru lil Lopetegui li bħalissa jinsab ir-Russja mat-tim nazzjonali Spanjol.
Lopetegui, li hu eksplejer ta’ Real, iffirma kuntratt ta’ tliet snin maċ-champions Ewropej.
Il-kowċ li għandu 51 sena beda jmexxi lil Spanja wara li Vicente Del Bosque ħalla l-kariga hekk kif intemm il-Kampjonat Ewropew tal-2016.
Minn dakinhar ‘l hawn ir-riżultati li kiseb it-tim kienu eċċellenti hekk kif dawn rebħu l-grupp rispettiv tagħhom.
Fil-fatt, mit-32 tim li se jikkompetu fit-Tazza tad-Dinja, Spanja huma l-uniku tim li ma tilfux logħba minn tmiem l-Euro 2016 ‘l hawn. Spanja ilhom ma jitilfu 20 logħba taħt it-tmexxija ta’ Lopetegui.
Grazzi għar-riżultati pożittivi li kiseb Lopetegui ma’ Spanja, l-FA offrietlu kuntratt ieħor li kien qed jorbtu mat-tim nazzjonali sal-2020 imma jidher li l-offerta ta’ Real ma kinitx waħda li dan seta’ jirrifjuta.
L-aħħar klabb li mexxa Lopetegui kien dak ta’ Porto lura fl-2014 u kien dam sentejn magħhom.
//= $special ?>