Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-litteriżmu viżiv jeħtieġ li jingħata prijorità – Zammit Dimech

L-MEP Francis Zammit Dimech jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu

L-ebda edukazzjoni moderna mingħajr ħlas diċenti għall-għalliema.

“Peress li qed nitkellmu dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni, jeħtieġ li nindirizzaw ir-realtajiet li għaddejjin bħalissa. Illum il-ġurnata n-nies qed jikkomunikaw permezz ta’ immaġni aktar milli permezz ta’ mezzi tradizzjonali u għalhekk il-litteriżmu viżiv huwa ħila ġdida li jistħoqqilha importanza u trid tiddaħħal fl-edukazzjoni fi stadju avvanzat. Hekk, l-istudenti jitgħallmu kif jaqraw u jifhmu immaġini li huma esposti għalihom fil-ħajja ta’ kuljum.” Il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech għamel dawn ir-rimarki waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni.

Matul l-aħħar ġimgħat, Zammit Dimech li hu membru tal-kumitat tal-edukazzjoni ltaqa’ ma’ diversi partijiet interessati inklużi studenti, għalliema, akkademiċi u professjonisti li jaħdmu fil-qasam taċ-child care centres biex jikseb l-opinjoni tagħhom. Zammit Dimech ippreżenta l-fehmiet li huma ressqu permezz ta’ numru ta’ proposti li ġew adottati fir-rapport. Fost dawn, Zammit Dimech enfasizza l-ħtieġa li l-għalliema mhux biss jiġu provduti b’riżorsi adekwati iżda wkoll li dawn jingħataw paga tajba u kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa biex aktar studenti jkunu attirati jsiru għalliema. Huwa żied li jekk dan ma jsirx jkun hemm riperkussjonijiet ħżiena kif ġew esperjenzati reċentement f’Malta meta l-gvern kellu jiddependi fuq studenti minflok għalliema professjonali. “Jekk ma jkollniex biżżejjed għalliema, ma nistgħux nedukaw lill-uliedna aħseb u ara kemm se noffru edukazzjoni ta’ kwalità tajba għall-ħtiġijiet ta’ għada”. Huwa enfasizza wkoll fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat ambjent sikur għall-edukaturi fl-iskejjel.

Rigward l-edukazzjoni bikrija Zammit Dimech qal li meta żar ċentri taċ-Child Care f’Malta, diversi professjonisti enfasizzaw il-ħtieġa li mhux biss noffru dan is-servizz b’xejn iżda wkoll li nattiraw aktar studenti biex jieħdu iċ-child care bħala karriera sabiex noffru kwalità għolja ta’ edukazzjoni lit-tfal.