Lokali Parlament

Jipprovaw isibu indħil politiku dwar rakkomandazzjonijiet għal impjiegi qabel l-2013 fil-Wasteserv….qabel l-aħħar elezzjoni ddaħħlu 132 ħaddiem

Id-deputati tal-Gvern fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) għamlu tentattiv qawwi biex jipprovaw isibu indħil politiku fi ftit rakkomandazzjonijiet għal impjiegi mal-Wasteserv meta qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-Gvern Laburista impjega 132 ħaddiem mal-istess kumpanija.

Quddiem il-PAC xehed Ray Bezzina, li bejn l-2008 u l-2013 kien il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministru George Pullicino. Il-kumpanija Wasteserv kienet fid-dekasteru tal-Ministeru u r-rwol tiegħu kien wieħed politiku fejn hu kien jassisti lill-Ministru Pullicino biex il-programm tal-Gvern dwar l-iskart jitwettaq.

Ray Bezzina qal li hu kien ra l-emails pubblikati fil-media u sostna li hu kien ra sitwazzjoni li fiha hu kien qed jagħmel dak li hu mitlub minnu bħala uffiċjal pubbliku. Ħafna mill-emails kienu jitkellmu fuq l-operat u hu kellu dmir li jagħti l-kontribut tiegħu. Hu ċaħad li dawn l-emails kienu xi forma ta’ pressjoni politika fuq il-Wasteserv iżda kienu komunikazzjoni b’saħħitha.

Ray Bezzina qal li hemm emails li jirrigwardjaw impjiegi iżda m’hemmx pressjoni jew li tinħoloq xi pożizzjoni. Hu spjega kif anki kien talab lill-Wasteserv biex isiru l-proċeduri kif suppost. Hu qal li ma kien kellem lill-ebda persuna li jissemmew f’xi emails. Dawn il-persuni ma kinux impjegati tal-Gvern iżda tal-kuntrattur.

Ray Bezzina kompla li l-ħidma tiegħu ma kinitx tieqaf fil-kampanja elettorali iżda kienu jkomplu biss il-proċessi li jkunu mibdija. Hu sostna li l-Prim Ministru Gonzi qatt ma kien jindaħal jew kellmu dwar xi nies fil-Wasteserv. Il-ħaddiema li qed issir riferenza għalihom huma kollha temporanji.

Ray Bezzina qal li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 ma ddaħħlux 132 persuna kif sar qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Hu spjega kif hu kien kiteb lill-Wasteserv dwar persuna li kellha tieħu flus kbar mingħand il-kumpanija u ddikjara li ma kien għamel xejn ħażin b’daqshekk.