Internazzjonali

L-ebda qbil fiss dwar l-Ukrajna

 

Għadha ‘il bogħod l-implimentazzjoni ta’ waqfien mill-ġlied għall-Ukrajna. Dan wara l-aħħar laqgħa (f’Berlin) bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tar-Russja, l-Ukrajna, il-Ġermanja u Franza li ddiskutew l-istazzjonar ta’ missjoni għaż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti fiz-zona tal-konflitt Ukren.

Il-Ministru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, Heiko Maas, qal li r-Russja u l-Ukrajna qablu fi prinċipju dwar il-missjoni għaż-żamma tal-paċi, iżda ‘għandhom ideat diversi dwar kif jimplimentaw il-missjoni.’ Intant, fil-ġimgħat li jmiss mistennija jkomplu n-negozjati dwar il-parametri ta’ missjoni ( tan-NU) potenzjali għal-Lvant tal-Ukrajna.

Ir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Ukrajna qalbu għall-agħar mindu r-Russi, fl-2014, ħatfu l-peniżola tal-Krimea lill-Ukreni. Moska  anki qed tipprovdi l-appoġġ lill-gruppi tas-separatisti fil-Lvant tal-Ukrajna u fl-aħħar snin saru diversi sforzi diplomatiċi biex jirrisolvu l-konflitt f’dik iz-zona, li fih mietu aktar minn 10,000 persuna.