Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-uniku triq ‘il quddiem hi r-riforma tas-Sistema ta’ Dublin – Roberta Metsola

L-MEP Roberta Metsola mal-Kummissarju Ewropew Avramopolous

Metsola tmexxi laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew, il-Presidenza Bulgara u l-Kummissarju Ewropew Avramopolous, fid-dawl tal-kwistjoni fuq l-Aquarius

Fid-dawl tal-kwistjoni relatata ma’ Aquaries, il-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola intgħażlet biex tmexxi laqgħa importanti dalgħodu mal-Presidenza Bulgara, l-Kummissarju Ewropew Dimitris Avramopolous u l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, li fiha ntalbet azzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni.

“Fl-aħħar ta’ Ġunju hemm summit tal-Kunsill Ewropew, u dan hu l-aħħar ċans biex il-Prim Ministri jirriformaw is-Sistema ta’ Dublin, għal waħda li taqsam ir-responsabbiltà bejn l-Istati Membri. Dan mhux iż-żmien għall-populiżmu, iżda għal azzjoni konkreta, fejn fin-nofs hemm il-ħajjiet tan-nies, u l-Prim Ministri għandhom jaġixxu, inkella nerġgħu nispiċċaw f’din is-sitwazzjoni darba wara l-oħra.

Jien onorata li bħala MEP Maltija, mexxejt din il-laqgħa bejn it-tliet istituzzjonijiet tal-UE, u kien hemm qbil li ma nistgħux nibqgħu nistennew. L-aktar element importanti hu r-riforma tar-Regolament ta’ Dublin, u dan issa jinsab f’ħoġor il-Prim Ministri. Għandhom jaġixxu, anke jekk permezz ta’ vot u mhux kunsens. Jekk pajjiżi se jibqgħu jużaw il-pożizzjoni ġeografika tagħhom biex jeżoneraw lilhom infushom mir-responsabbiltà, għandhom jittieħdu l-passi fil-konfront tagħhom. M’hemmx bżonn unanimità f’dan ir-rigward. Irridu azzjoni mill-Unjoni Ewropea.

Il-mod kif taġixxi l-Unjoni Ewropea hu t-test veru dwar il-valuri Ewropej tagħna.

Irridu nassiguraw li s-Sistema ta’ Dubin tkun riformata u tpoġġi s-solidarjetà fost l-istati membri bħala prijorità. Irridu neliminaw il-mudell użat mit-traffikanti biex jisfruttaw lil min hu vulnerabbli. Irridu naraw kif ikollna esperti tal-ażil fl-uffiċċji tagħna madwar id-dinja. Ovjament ma nistgħux ndefsu saqajna fir-ramel f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà. Teżisti l-biża’ fost iċ-ċittadini, u għalhekk l-istati membri għandhom jonoraw l-obbligi tagħhom mal-fruntieri, biex dawn il-biżat jitneħħew.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-Afrika, ejja nħarsu fit-tul u nimxu lil hinn mill-għajnuna għal sistema b’saħħitha li tħeġġeġ l-investiment privat fl-Afrika, u nagħtu n-nies ċans għal futur mingħajr biżà.
U fl-aħħarnett, irridu nirritornaw dawk li m’humiex eliġibbli għall-protezzjoni – hu b’dan il-mod biss li ċ-ċittadini jkollhom fiduċja f’dak li qed nagħmlu.”