Sport Sport Ieħor

SPARAR: Jidħlu fl-azzjoni l-irġiel fil-kompetizzjoni tat-Trap

Fl-ewwel żewġ rawnds William Chetcuti laqat 22 plattina u 21 plattina għal total ta’ 43 plattina

Fit-Tazza tad-Dinja tal-isparar li qed issir f’Ta’ Kandja, fis-Siġġiewi, illum sparaw l-ewwel żewġ rawnds il-ħames tiraturi Maltin irġiel tat-Trap.

Sa issa wara żewġ rawnds minn ħamsa, l-aħjar mill-Maltin hu Brian Galea li jinsab fit-12-il post wara straight fl-ewwel rawnd u 23 minn 25 plattina fit-tieni għal total ta’ 48 plattina minn 50.

William Chetcuti laqat 22 plattina u 21 plattina għal total ta’ 43 plattina waqt li Mario Buhagiar laqat 22 u 19 il-plattina fiż-żewġ rawnds.

Iż-żgħażugħ Gianluca Chetcuti laqat 20 fl-ewwel rawnd u 22 fit-tieni rawnd. Nazzareno Attard sa issa laqat 39 minn 50 plattina. Għada mit-8.30am ‘l quddiem jerġgħu jidħlu fl-azzjoni t-tiraturi Maltin għall-aħħar rawnds.

Intant, it-Tnejn ingħata bidu għall-kompetizzjoni tat-Trap tan-nisa u fl-azzjoni kien hemm il-Maltija Michaela Galea.

Fl-ewwel rawnd laqtet 21 plattina minn 25, 18-il waħda minn 25 fit-tieni rawnd u 19-il plattina fit-tielet rawndd.

Fit-tielet u l-aħħar round hi bdiet tajjeb ħafna meta laqtet l-ewwel tmien plattini, imma mbagħad kellha problema bl-ejector tas-senter tagħha u kellha tispara waħedha wara li ntemm dak ir-rawnd. Kien hawn fejn falliet sitt plattini mill-aħħar 17.

Illum Galea laqtet 23 plattina fir-raba’ rawnd u 18-il plattina fl-aħħar rawnd għal total ta’ 99 plattina.