Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Uffiċjali għolja tal-Gvern – inkluż il-PM – membri attivi ta’ gruppi li jinsultaw lil min ma jaqbilx magħhom

L-MEPs Ana Gomes, Sven Giegold u David Casa jippubblikaw il-konklużjonijiet taż-żjara tagħhom f’Malta aktar kmieni dan ix-xahar

It-tliet Membri tal-Parlament Ewropew li aktar kmieni dan ix-xahar kienu f’Malta biex ikomplu jinvestigaw is-saltna tad-dritt – l-MEP Soċjalista Ana Gomes, l-MEP tal-Ħodor Sven Giegold u l-MEP tal-Partit Popolari Ewropew David Casa – ppubblikaw il-konklużjonijiet ta’ din iż-żjara, kif ukoll semmew numru ta’ rakkomandazzjonijiet li, fl-opinjoni tagħhom, għandhom jittieħdu, biex jiġi assigurat li f’Malta teżisti s-saltna tad-dritt.

Fost waħda mill-aktar punti sinifikattivi li sabet din id-delegazzjoni hemm dik li jeżisti gruppi fuq Facebook li xogħlhom hu li jabbużaw, jinsultaw u jheddu kritiċi tal-Gvern, u fost il-membri attivi ta’ dawn il-gruppi hemm uffiċjali għolja tal-Gvern Malti, inkluż il-Prim Ministru. Fil-fatt, kif irrimarkaw l-istess MEPs, anke l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili u l-media indipendenti spiċċaw vittma ta’ kampanji ħorox bl-għan li jimminaw il-verità li qed jikxfu.

B’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, t-tliet MEPs qalu li din tidher li bħalissa hi mwaqqfa, u li n-nies li tkellmu magħhom qed jissuspettaw li l-pjan hu li l-ħtija tieqaf mat-tliet persuni li huma suspettati li għamlu l-bomba, u li dawn jinħelsu mill-arrest wara 20 xahar maqfula. L-istess MEPs irrimarkaw li l-Maġistrat Vella, li qed imexxi l-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista, ġie offrut promozzjoni biex jilħaq Imħallef, u għalhekk, fi ftit ġimgħat oħra, se jkun qed iħalli dan il-każ, xi ħaġa li skont l-MEPs, hi interpretata biex l-investigazzjoni ddum u tieqaf.

Konklużjoni oħra importanti b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia hi dik li l-Pulizija jidher li apposta mhix qed tinvestiga t-truf kollha li jistgħu jwasslu min ordna dan il-qtil. Fil-fatt, fost l-oħrajn, jidher li l-Pulizija ma nvestigatx fid-dettall verżjonijiet ta’ xhieda ppubblikati mill-media internazzjonali dwar il-fatt li l-Ministru Chris Cardona deher jixrob ma’ wieħed mis-suspettati qabel dan ġie arrestat.

Ġie nnutat ukoll il-punt li minkejja l-provi tal-involviment tagħhom f’attività kriminali – anke kif inkixfu mid-Daphne Project – ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi tħallew f’karigi uffiċjali.

F’kumment mal-media, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa qal li l-Parlament Ewropew se jkompli jara s-sitwazzjoni f’Malta sakemm is-saltna tad-dritt tiġi investigata, u dawk li kisru l-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi jitneħħew mill-kariga u ssir ġustizzja.