L-Istati Uniti, l-Messiku u l-Kanada, flimkien, se jkunu qed jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja tal-2026. Dan wara li din il-kandidatura għelbet l-isfida ta’ dik tal-Marokk biex b’hekk se torganizza l-edizzjoni ta’ tmien snin oħra.
Id-deċiżjoni ttieħdet waqt it-68 Kungress tal-FIFA. Fi ħdan il-FIFA wieħed isib 210 assoċjazzjoni imma kienu 203 li vvutaw. Il-kandidatura tal-Istati Uniti, l-Messiku u l-Kanada ġabet 67% tal-voti filwaqt li dik tal-Marokk ġabet 33%.
L-aħħar darba li l-Istati Uniti organizzat it-Tazza tad-Dinja kien lura fl-1994 filwaqt li l-Messiku kien organizza t-Tazza tad-Dinja tal-1970 u l-1986. Il-Marokk qatt ma organizza t-Tazza tad-Dinja.
Id-deċiżjoni kienet waħda mistennija wara li fl-aħħar xhur, il-Kumitat Tekniku tal-FIFA żar l-erba’ pajjiżi biex jevalwa u jagħti vot. Il-kandidatura tal-Istati Uniti, tal-Kanada u tal-Messiku ġabet 4.0 minn 5 filwaqt li dik tal-Marokk ġabet 2.7 minn 5.
L-edizzjoni tal-2026 se tkun l-ewwel waħda li fiha se jkunu qed jieħdu sehem 48 tim u mhux 32.
B’hekk, l-edizzjoni mistennija ddum aktar mis-soltu jew inkella se jintlagħbu aktar partiti matul il-ġranet. Barra minn hekk, it-Tazza tad-Dinja tal-2026 mistennija terġa’ ssir fis-sajf wara li dik tal-2022 se ssir fix-xitwa.
//= $special ?>