Jum qabel ma tibda t-Tazza tad-Dinja, il-President tal-FA Spanjola Luis Rubiales ħabbar li l-kowċ nazzjonali Julen Lopetegui tkeċċa mill-kariga minħabba li ffirma kuntratt ma’ Real Madrid ftit ġimgħat wara li hu kien ġedded il-kuntratt mal-FA Spanjola.
Kien proprju fit-22 ta’ Mejju li Lopetegui ġedded il-kuntratt tiegħu sal-2022 mat-tim nazzjonali Spanjol imma nhar it-Tlieta li għadda ħarġet l-aħbar li hu kien iffirma kuntratt ta’ tliet snin ma’ Real Madrid biex jieħu post Zinedine Zidane li ħalla l-kariga jiem wara li l-Merengues rebħu ċ-Champions League.
F’kummenti li ta Rubiales qal li l-FA Spanjola kienet infurmata li Lopetegui ffirma kuntratt ma’ Real Madrid ħames minuti qabel ma l-klabb tal-belt kapitali żvela l-aħbar lill-midja.
Rubiales kompla billi faħħar lil Lopetegui u qal li hu kowċ mill-aqwa u hu proprju minħabba f’hekk li din kienet deċiżjoni diffiċli għalih.
Lopetegui, li għandu 51 sena beda jmexxi lil Spanja wara li Vicente Del Bosque ħalla l-kariga hekk kif intemm il-Kampjonat Ewropew tal-2016.
Minn dakinhar ‘l hawn ir-riżultati li kiseb it-tim kienu eċċellenti hekk kif dawn rebħu l-grupp rispettiv tagħhom.
Fil-fatt, mit-32 tim li se jikkompetu fit-Tazza tad-Dinja, Spanja huma l-uniku tim li ma tilfux logħba minn tmiem l-Euro 2016 ‘l hawn. Spanja ilhom ma jitilfu 20 logħba taħt it-tmexxija ta’ Lopetegui.
Kien grazzi għar-riżultati pożittivi li kiseb Lopetegui ma’ Spanja li l-FA offrietlu kuntratt ieħor.
L-eksplejer ta’ Real Madrid li kien Direttur fi ħdan l-FA Spanjola, Fernando Hierro se jmexxi lit-tim fir-Russja.
Wieħed issa jrid jara kif se jkun affetwat it-tim Spanjol li se jkun taħt it-tmexxija ta’ kowċ li kull ma mexxa hu tim ta’ diviżjoni inferjuri, Real Oviedo. Dan l-aħħar kien Direttur fi ħdan l-FA Spanjola.
//= $special ?>